Kummissjoni Lajċi
L-Ordni Agostinjan għandu post speċjali għall-lajċi li b’mod jew ieħor isiru parti mill-familja Agostinjana partikolarment permezz tal-viċinanza u l-kollaborazzjoni tagħhom fl-appostolat tar-reliġjużi u tal-Ordni. Il-Kummissjoni Lajċi Agostinjani tinħatar wara kull Kapitlu Provinċjali Ordinarju u tiġbor fiha grupp ta’ persuni li għandhom għal qalbhom il-valuri tal-familja Agostinjana u l-kollaborazzjoni mal-familja tagħna Agostinjana. Taħt it-tmexxija tad-Delegat Provinċjali għall-Lajċi u l-assistenza ta’ reliġjuż Agostinjan, il-Kummissjoni tiltaqa’ regolarment biex tiddiskuti u toħloq inizjattivi li jġibu flimkien lajċi li jmissu ma’ realtajiet u oqsma differenti Agostinjani.
Minn żmien għal żmien, il-Kummissjoni torganizza attivitajiet f’komunitajiet Agostinjani differenti marbutin anke ma okkażjonijiet jew ċelebrazzjonijiet mill-kalendarju liturġiku tal-Knisja u partikolarment dak Agostinjan. Dan jinkludi kemm festi liturġiċi bħalma hija xi attivita marbuta mal-Festa ta’ Santu Wistin jew mal-festa tal-qaddisin kollha Agostinjani, imma anke l-parteċipazzjoni f’mumenti partikolari tal-Provinċja bħalma huma l-Kapitlu Provinċjali. Lilhinn mil-laqgħat u ċ-ċelebrazzjonijiet fihom infushom permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kummissjoni għall-Lajċi taħdem biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-lajċi agostinjani li jiffrekwentaw realtajiet differenti u trawwem spirtu sabih ta’ ħbiberija u komunjoni bejniethom.
Kien fl-istess Kummissjoni li twieldet anke l-idea tat-twaqqif ta’ Fraternità Agostinjana Sekulari li hija imbagħad forma aktar impenjattiva tal-lajkat fi ħdan il-familja Agostinjana u li hija rikonoxxuta formalment bħala parti mill-Ordni Agostinjan.
The Santa Rita Priory
Artikli Relatati
Attività Sajfija tal-Fraternità Agostinjana Sekulari
Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Lulju 2023, l-aħwa tal-Fraternità Agostinjana Sekulari Santu Wistin u Santa Monika ltaqgħu f’Dar Santa Monika, f’San…
Laqgħa għal-lajċi Agostinjani f’Malta
Nhar l-Erbgħa 26 ta’ April, lajċi midħla ta’ l-Agostinjani, iċċelebraw il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin, San Mark (Protettur tal-Provincja Agostinjana Maltija),…
Il-Fraternità Agostinjana Sekulari
L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fl-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità msejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ Santu Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja. Il-Fraternitajiet Agostinjani Sekulari jiġbru fihom numru ta’ Lajċi qrib tal-familja Agostinjana li jixtiequ jieħdu l-ispiritwalità Agostinjana b’mod ftit aktar impenjattiv fil-Ħajja tagħhom.
Kien fil-Kummissjoni Provinċjali għall-Lajċi li matul iż-żmien tal-pandemija tal-Covid 19, meta l-attivitajiet kienu limitati, nibtet u ssawwret l-idea tat-twaqqif ta’ Fraternità Agostinjana Sekulari f’Malta. Il-Fraternitajiet Agostinjani Sekulari huma meqjusa bħala t-tielet Ordni fil-familja Agostinjana kif ikkontemplat fil-Kostituzzjonijiet tal-istess Ordni ta’ Santu Wistin (Kost. OSA n. 44-47) u mmexxija skont in-normi tad-Dritt Kanoniku (Kanoni 312-320). Fl-1 ta’ Jannar 2001 l-Ordni ppubblika dokument dwar il-lajċi “On the Way with St. Augustine”, li jippreżenta linji gwida għal dawn il-fraternitajiet.
Il-membri tal-fraternitajiet sekulari filfatt huma rġiel u nisa li jieħdu l-impenn li jiltaqgħu regolarment biex jaqsmu u jirriflettu fuq i l-mixja tal-fidi tagħhom bħala nsara fl-ispirtu tal-Familja Agostinjana u allura ispirati mill-figura ta’ Santu Wistin u t-tradizzjoni tal-Ordni. Apparti inizjattivi oħra, bħala grupp jiltaqgħu regolarment kull xahar u jaqsmu flimkien l-esperjenzi tal-ħajja ispirati minn riflessjoni fuq il-kelma t’Alla u t-tagħlim tal-Knisja. Din l-esperjenza għandha twassalhom biex l-impenn nisrani tagħhom jissarraf b’mod konkret fis-servizz lejn l-oħrajn waqt li jkunu dejjem sinjal ħaj ta’ komunjoni kull fejn ikunu.
Il-Fraternità Agostinjana Sekulari Santu Wistin u Santa Monika, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Provinċja Agostinjana ta’ Malta twaqqfet permezz ta’ digriet tal-Pirjol Ġenerali P. Alejandro Moral Anton maħruġ mill-Kurja Ġenerali tal-Ordni fl-1 ta’ Lulju 2021. Is-sede uffiċjali tal-Fraternità hija l-Kunvent Santa Rita, San Ġiljan.