
L-Agostinjani minn dejjem kienu impenjati fil-qasam tal-istudji. Diversi minnhom ħadmu u qegħdin jaħdmu kemm fl-Università, hawn Malta u barra minn Malta, kif ukoll f’diversi istituzzjonijiet kulturali.
Istitut Agostinjan: Studju u Riċerka
L-Istitut Agostinjan għall-Istudji u r-Riċerka twaqqaf b’digriet tal-Kunsill tal-Provinċja Agostinjana fl-20 ta’ Marzu 1983. L-Istitut twaqqaf bil-ħsieb illi tinżamm ħajja l-figura u t-tagħlim ta’ Santu Wistin bis-saħħa ta’ riċerka, korsijiet u tagħlim dwar il-ħajja, l-kitbiet u l-wirt ta’ Santu Wistin, kif ukoll dwar il-kultura agostinjana.
L-Istitut kien twaqqaf fil-kunvent tal-patrijiet ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Fl-1988 l-Istitut ġie trasferit għal sede iktar spazjuza u iktar aċċessibbli u ċentrali f’Dar San Ġużepp (Tal-Pietà).
Fis-sena 2000, l-Istitut kiseb għarfien internazzjonali bħala Ċentru ta’ riċerka u tagħlim fi ħdan l-Ordni Agostinjan. Ċentri oħrajn fl-Ewropa jinsabu f’Leuven (Belgju), Perugia (Italja), Palermo (Sqallija), Würzburg (Ġermanja), Vallodolid (fi Spanja) u Eindhoven (fl-Olanda).
Wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan l-Istitut huwa li jxerred it-tagħlim ta’ Santu Wistin u jagħmel magħrufa t-tradizzjoni Agostinjana. Ta’ kull sena, minn Settembru sa Diċembru, dan l-Istitut jorganizza kors għall-poplu li qiegħed dejjem aktar jiġbed ħafna nies. Kontribut ieħor għall-kultura kemm ċivili kif ukoll reliġjuża huma t-traduzzjonijiet li l-Provinċja Agostinjana Maltija qed tagħmel tal-opri ta’ Santu Wistin, kif ukoll studji speċjalizzati fuq dan id-duttur tal-Knisja.
Artikli Relatati

St Augustine Lectures 2026: Riflessjoni fuq il-Fidi, is-Soċjetà u d-Dinjità tal-Bniedem
Il-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-Istudji Teoloġiċi u l-Istitut Agostinjan tal-Provinċja Agostinjana Maltija, għandha l-pjaċir…

Reġistrazzoni – Kors għal Kulħadd 2026
Name & Surname(Required) First Last Mob No(Required)Date of Birth(Required) DD slash MM slash YYYY Email(Required) GDPR Consent(Required)In valuing the privacy…
The Santa Rita Priory
“Ta’ min wieħed ifakkar element li aħna ngħarfu bħala partikolari, jew kważi, tal-għerf tal-Ordni Agostinjan, fil-kapaċità tiegħu li jmexxi ‘l quddiem l-appostolat intellettwali… Għandkom f’idejkom wirt imprezzabbli ta’ S. Wistin, u quddimkom għandkom tradizzjoni li ma taqtax ta’ studji… għaldaqstant ma tistgħux tiċħdu milli tkunu preżenti fil-qasam reliġjuż u kulturali.” (Pawlu VI, Ittra lill-Pirjol Ġenerali O.S.A. fl-okkażjoni tal-Kapitlu Ġenerali, 14 ta’ Settembru 1977).
L-Ordni Agostinjan, sa mit-tnissil tiegħu fis-seklu XIII, ispira ruħu mill-esperjenza u l-għerf ta’ S. Wistin, tant li għamel mill-istudju parti mill-kariżma tiegħu għas-servizz tal-Evanġelju. L-ewlenin aħwa Agostinjani sabu posthom fl-ibliet universitarji ewlenin (Pariġi, Bolonja, Padova, Oxford, Cambridge, Salamanca…) sabiex jagħtu kontribut xieraq fl-oqsma differenti tal-għerf. F’bosta postijiet l-Agostinjani waqqfu univsersitajiet u kulleġġi superjuri sabiex jagħtu kontribut għal soċjetà aktar umana.
L-istudju jiġbor fih l-arti u x-xjenzi, kemm ekklesjali u sekulari, għall-benefiċċju tal-Knisja, bħala agostinjani u bħala soċjetà umana. L-istudju ma hux mifhum bħala attività temporanja li tispiċċa maż-żmien tal-formazzjoni inizjali, imma hija attitudni permanenti ta’ riflessjoni fuq ir-realtà u b’mistoqsijiet intelliġenti.
Illum ukoll, l-Agostinjani jagħtu s-sehem tagħhom, ispirati mill-ħsieb ta’ S. Wistin, li l-bniedem jagħmel minn ħajtu esperjenza ta’ tfittxija interjuri tal-Verità. Diversi aħwa tal-Provinċja kellhom l-opportunità li japprofondixxu, f’Universitajiet diversi barra minn Malta, oqsma differenti ta’ studji ekkleżjastiċi (fosthom: teoloġija, filosofija, morali, skrittura, storja tal-Knisja, patroloġija, spiritwalità, pastorali taż-żgħażagħ…), soċjali (pedagoġija, psikoloġija, xjenzi soċjali…) u umanistiċi (arti, mużika, letteratura…).
Fost il-kontribuzzjonijiet tal-Provinċja Agostinjana fil-qasam akkademiku u kulturali, insibu l-Istitut Patristiku għall-Istudji u r-Riċerka, il-Pubblikazzjonijiet Agostinjani, il-Pastorali ta’ djalogu kulturali.




