Twelidt fid-9 t’Ottubru 1952 f’Ħaż-Żabbar fejn hemmhekk trabbejt u għixt sa qabel ma dħalt mal-Patrijiet Agostinjani.
Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?
Il-primarja għamiltha Ħaż Żabbar u s-sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin f’tal Pieta. Wara komplejt l-istudji tiegħi tal-Filosofija Malta u t-Teoloġija l-Brażil. Ruma għamilt l-ispeċjalizazzjoni fit-Teoloġija Morali.
Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?
Meta kont il-kulleġġ Santu Wistin. Niftakar, matul is-sena konna niċċelebraw jum il-vokazzjonijiet u għal din l-okkażjoni kienu jieħdu sehem il-brothers li kienu qegħdin iħejju ruħhom biex jsiru reliġjużi agostinjani u wara saċerdoti. Kienu jitkellmu magħna dwar ħajjithom u s-sejħa tagħhom. Min ikun irid jaf aktar kien jiġi mistieden biex jmur għal-laqgħat li kienu jagħmlu darba f’xahar fid-dar tar-Rabat għaż-żgħażagħ. Matul dawn il-laqgħat u bl-għajnuna ta’ wieħed mill-brothers bdejt niskopri bil-mod il-mod dak li Alla ried minni.
Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?
Inħobb ħafna nimxi fil-kampanja meta huwa possibli jew fejn il-baħar.
Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?
Inħobb naqra kotba li jgħinuni biex nikber fil-ħajja tiegħi spiritwali, kif ukoll xi kotba oħra biex bihom niprepara ruħi għal xi talks li niġi mitlub nagħmel minn xi lajċi, sorijiet u żgħażagħ. Dan l-aħħar kont qiegħed naqra ktieb ta’ David G. R. Kller DESERT BANQUET. Dan il-ktieb jirrakkonta l-għerf u tagħlim ta’ dawk l-irġiel u nisa li marru fid-deżert biex hemm fis-silenzju u bogħod mis-soċjeta isibu aktar lilhom infushom u lil Alla.
Għandek xi quote/saying għal qalbek?
“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” Ġw 15, 13.
Is-sejħa Agostinjana:
X’jagħmlek agostinjan?
Meta naqsam dak kollu li jien mal-aħwa fil-komunita’ tagħna reliġjuża u wara dak li kabbarni lejn Alla u lejn il-komunita jkun kapaċi naqsmu ma tant żgħażagħ u familji li għandi xi kuntatt magħhom fil-ħidma pastorali tiegħi.
Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum
Il-Kariżma tagħna hija attwali illum u dejjem għax il-bniedem għandu xewqa kbira li jiltaq’ ma Alla permezz ta’ persuni jew gruppi oħra. Hawn għatx kbir għal Alla u aħna nistgħu ngħinu ħafna biex jinqata’ dan il-għatx f’din is-soċjeta tagħna.
Min hu l-agostinjan għalik?
Huwa dak li għandu qalb li taf tħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħu bla ebda distinzzjoni ta’ kulur jew razza.
Riflessjonijiet u Artikli minn Fr. Mario Abela osa