Kardinal Agostinjan magħżul bħala l-Papa l-ġdid tal-Knisja Kattolika

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tilqa’ bil-ferħ l-aħbar tal-għażla tal-Emm. T. il-kardinal Robert F. Prevost O.S.A. bħala isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali, issa bl-isem ta’ Ljun XIV.  F’dan is-sentiment ningħaqdu mal-Ordni kollu ta’ Santu Wistin madwar id-dinja u mal-Knisja Universali u rroddu ħajr lill-Mulej li qed isejjaħ lil dan ħuna fil-ħajja reliġjuża Agostinjana, għal dan is-servizz kbir fil-Knisja.

Fost il-Kardinali, il-Kardinal Robert F. Prevost huwa probabbli wieħed mill-aktar li qatt żar Malta partikolarment minħabba r-responsabilità li kellu ta’ Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għal tnax il-sena.  Filfatt bejn l-2001 u l-2013 huwa żar Malta diversi drabi biex mexxa Kapitli Provinċjali u għamel żjajjar kanoniċi kemm lill-Patrijiet Agostinjani u anke lis-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva li kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu.  Mhux biss f’dan l-irwol imma anke tul is-snin huwa żamm kuntatt u viċinanza ma’ diversi aħwa Agostinjani Maltin.

Barra l-irwoli li serva fihom fil-Familja Agostinjana, fit-3 ta’ Novembru 2014, il-Papa Franġisku ħatar lil Robert Francis Prevost bħala amministratur appostoliku tad-djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù, u imbagħad għollih għad-dinjità ta’ isqof u assenjah id-djoċesi titulari ta’ Sufar. Minn hemm ‘il quddiem huwa kompla jservi kemm bħala isqof u aktar tard anke bħala president tal-Konferenza Episkopali tal-Perù.

Fit-30 ta’ Jannar 2023 imbagħad il-Papa Franġisku sejjaħlu Ruma biex jibda jservi bħala prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u president tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina. Huwa ġie kkreat Kardinal mill-Papa Franġisku fil-Konċistorju tat-30 ta’ Settembru 2023, u ingħata d-Djakonija ta’ Santa Monika. Barra minn hekk, beda jservi anke bħala membru f’diversi Dekasteri oħra u fil-Kummissjoni Pontifiċja għall-Istat Tal-Vatikan.

L-aħħar li ġie Malta kien f’Novembru tal-2023 meta ġie biex jindirizza l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Isqfijiet Ewropej li kienet qed issir Malta. Barra l-indirizz lill-isqfijiet Ewropej, dakinhar huwa ppresieda anke Ewkaristija fil-Bażilika tal-Mosta u għadda ftit ħin anke mal-Komunità Agostinjana tal-Belt.

Scroll to Top