INT Ewkaristija

friendsbreakbread

Darba l-Papa Benedittu kien qal:

Ewkaristija li ma tgħaddix għall-prattika konkreta tal-imħabba hija xi ħaġa essenzjalment framentata.

 Aħna ma niġux hawn biex niċċelebraw l-Ewkaristija għax hija xi tradizzjoni. Niġu hawn għaliex l-Ewkaristija tatina l-qawwa naffrontaw bi mħabba dak kollu li niltaqgħu miegħu. L-Ewkaristija mhux ċelebrazzjoni sabiħa u daqshekk.  Fil-fatt m’hemmx Ewkaristija bla kumpassjoni u bla ma naqsmu ma’ l-oħrajn.

Ewkaristija hija għotja. F’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika Ġesù jingħata lill-Missier għalina. Jingħata għalina, biex anki aħna nistgħu nissieħbu miegħU, u lil Alla noffrulu ħajjitna, ix-xogħol tagħna, il-ferħ tagħna u d-dwejjaq tagħna…, noffrulu kollox f’sagrifiċċju spiritwali. Għotja miż-żewġ naħat.

Hija qadi. Hija l-ħasil tar-riġlejn bħalma għamel Ġesù, bħala eżempju għad-dixxipli tiegħu. U meta naħslu riġlejn xulxin, inkunu Ewkaristija ħajja mibnija fuq l-Ewkaristija. Naħslu riġlejn xulxin ifisser nilqgħu lil xulxin, naċċettaw lil xulxin, ninħabbu, naqdu wieħed lill-ieħor.  Ifisser naqdi lill-fqir, il-marid, l-imwarrab, lil dak li narah antipatiku, dak li jdejjaqni, tat-‘tribu’ l-ieħor. Mhux bill-kliem, jew bit-teorija, imma bil-fatti.  Mhux bil-moħħ, imma bil-qalb.

L-Ewkaristija tistedinna naħsbu f’ħutna l-foqra u għall-ħaddieħor…dak il-ħobż spiritwali jinqasam għal ħobż materjali. U għalhekk kull fejn inkunu ser inkunu “Christophers” jiġifieri “dawk li jġorru lil Kristu”, f’kull sitwazzjoni. Inkomplu ngħixu din l-Ewkaristija kull fejn inkunu, Fejn? fl-Iskola, Fejn? fid-Dar, Fejn? Fuq il-post tax-xogħol, Fejn? fil-familja, Fejn? Quddiem sitwazzjonijiet ta’ solitudni, dwejjaq, uġieħ, mard, Fejn? waqt ir-rekreazzjoni, fuq fb,…Tkun nisrani jimplika b’xi mod li f’isem Ġesù tagħmel xi ħaġa għall-oħrajn, anke jekk żgħira, għaliex intom il-melħ tal-art, l-melħ li bil-kwantità żgħira huwa l-importanza. U hekk hija l-ħajja tagħna.

Is-sabiħ li issir Ewkaristija INT…tinduna li qed issir Ewkaristija int meta tibni l-imħabba, l-mogħdrija, il-maħfra, il-ġustizzja, is-solidarjeta, il-qadi, tirrispetta li oħrajn, tagħti merħba/tbissima, tkun twajjeb mhux żorr…u l-bqija. L-Ewkaristija ma hix xi ħaġa privata li tgħalaqna f’dawn l-4 ħitan, imma trid tkun miftuħa għal oħrajn.

fr. David Cortis osa

Leave a Comment

Scroll to Top