San Ġwann fil-Vanġelu jindirizza żewġ problemi li għandhom x’jaqsmu mal-ewkaristija: tieħu sehem mingħajr ma taf min hu Ġesù u tieħu sehem mingħajr ma’ turi l-fidi tiegħek fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum. L-ewwel aspett jitkellem fuqu f’din is-silta li għandna quddiemna u t-tieni aspett jitkellem fuqu iktar tard f’kapitlu 13 – ħasil tar-riġlejn.
- Memorja – ftakar
L-ewkaristija hija tifkira tal-passjoni u l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù…fl-ewwel qari Mose jkellem lil poplu u jħeġġu biex jiftakar (ftakar l-ewwel kelma li jgħid Mose lil poplu f’din is-silta) fil-mixja kollha li mexxieh il-Mulej – niftakru fil-mixja li mexa magħna l-Mulej sa issa… fil-Bibbja il-kunċett tal-memorja (zikaron) huwa iktar minn ftakar imma huwa qabel xejn ġġib preżenti dik l-esperjenza kif ukoll tiskoprih mill-ġdid u tgħix b’tiġdid. Nirriflettu flimkien… min jien sa issa? X’għamel Alla għalija? Fhiex tfakkarna?
- Ċokon – fraġilità
L-ewkaristija tfakkarna fiċ-ċokon tagħna – iċ-ċokon t’Alla li jinżel fil-qalb tagħna kull darba li nirċevuh. Kemm niċċekken quddiem l-oħrajn? Kif qiegħed nilqa’ l-ewkaristija? Bi dritt jew bħala għotja li ġejja mingħand Alla? L-ewkaristija mhiex xi rigal għal dawk li huma tajbin imma qawwa u saħħa għad-dgħajfin.
- Presenza
L-ewkaristija tfakkarna fil-presenza t’Alla f’kull esperjenza tal-ħajja tagħna – kemm ta’ diffikultà kif ukoll ta’ barka u sbuħija. Alla li jinsab preżenti l-ħin kollu. Kif tiftakar fl-ewkaristija fil-ġurnata?
- Ġuħ – tfittxija
X’inhi l-esperjenza ta’ meta jaqbadna l-ġuħ? Ta’ tfittix għall-ikel!! Il-Mulej illum qiegħed jgħidilna li l-ikel li nieklu biex naqtgħu l-ġuħ mhux biżżejjed imma hemm ġuħ ieħor li jinqata biss bl-ewkaristija..
Ħafna nies fi żmien Ġesù kienu jmorru għandu biex jaqtgħalhom il-ġuħ li jixtiequ huma, imma il-Mulej permezz tal-ewkaristija ma jaqtgħalniex il-ġuħ ta’ dak li nixtiequ aħna imma il-ġuħ tal-verità, tal-onestà – niġu wiċċi imb’wiċċ mar-realtà tagħna, mal-fraġilità tagħna.
Ġieli għixt dawn il-mumenti ta’ tfittxija profonda fil-ħajja tiegħek? X’kien dak li qatagħlek il-ġuħ?
- Ħajja
Fil-Vanġelu Ġesù jitkellem mill-ewkaristija bħala sors ta’ ħajja u tama. Minn dejjem il-bniedem kien ifittex il-ħajja, għax il-ħajja ma tiġix minnek innifsek imma minn xi ħaġa oħra, li hija l-ewkaristija. Fil-ħajja tiegħek kif kienet sors ta’ ħajja l-ewkaristija? Għaliex? Hija wkoll stedina għalina biex nkunu ewkaristija għall-oħrajn – l-ewkaristija li tagħti l-ħajja fejn hemm id-dlam u l-qtiegħ il-qalb.
fr. Terence Spiteri osa