Kemm irrid naħfer? Kemm nista’ nirċievi imħabba mingħand Alla? Kemm ser nagħti imħabba? Kif nista’ naħfer?
—
Għadab u qilla – huma sentimenti naturali li jitilgħu fil-wiċċ meta nkunu mweġġgħin minħabba xi inġustizzja. Mhux faċli li naħfru u mhux xi ħaġa li tiġi mill-lum għal għada, huwa proċess, mixja li titlob minna ħafna kuraġġ u qawwa mill-Mulej.
Kemm-il darba għandna naħfru?
Pietru jistaqsi sa seba’ darbiet? Hawnhekk Pietru diġà qiegħed jifhem li Ġesù ser imur iktar mill-obbligu tal-kittieba u l-qassisin li kienu jaħfru biss lil Lhud sa 3 darbiet għax għar-raba darba kellhom jirrikorru għal-liġi.
Imma Ġesù imur oltre, jgħid sa 77 darba (ġejja mill-fatt li fil-Ġenesi, Lamek wieħed mid-dixxendenti ta’ Kajin, qatel raġel għax ġerħu u żagħżugħ għax benġlu u kien ser jitħallas (jaqlagħha) 77 darba.
Hawnhekk Ġesù qiegħed jaqleb 77 darba minn tpattija għal maħfra – 7 numru perfett u 77 numru infinit.
Ġieli qtajt qalbek mill-maħfra tal-Mulej għax ħassejtek midneb? Ġesù llum qiegħed jgħidlek, jien nibqa’ naħfirlek…int tixtieq taħfer lil ħaddieħor bl-istess mod?
X’naħfru? Maħfra sproporzjonata?
L-10 t’elef talent jirrappreżentaw ammont kbir ta’ dejn li kien impossibbli li jitħallas kollu minn min ried jagħti l-flus. Hawnhekk il-parabbola tippreżentalna s-Sinjur li jaħfirlu dan id-dejn kollu.
Dan l-istess qaddej jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu (l-istess livell) li kellu jagħtih mitt dinar (somma konsiderevoli imma mhux daqs dak l-ammont li nħafirlu) u dan il-qaddej qabdu minn għonqu u qallu biex iħallsu tant li tefgħu l-ħabs minħabba li ma ħallasx id-dejn.
Għandna is-Sinjur (li jirrappreżenta lil Alla) li jaħfer ħafna, bl-abbundanza. Il-qaddej li jirrappreżenta lilna li xi drabi nsibuha diffiċli li naħfru u nfetqu fl-affarijiet iż-żgħar.
X’nistgħu nagħmlu?
- Nkunu nies ta’ kompassjoni u mogħdrija
- Ma nħallux li ħutna jibqgħu skjavi tal-passat (persuni li kienu vittma ta’ vizzji, persuni li kienu l-ħabs, persuni li għamlu xi ħaġa ħażina) għax għamlu xi ħaġa ħażina – hemm opportunità ġdida, ċans ġdid
- Ma nifgawhiex meta jkun qiegħed iqum fuq saqajh u jgħajjat għall-għajnuna.
- Il-Mulej qiegħed jistedinna biex ngħinuh 77 darba, nagħtuh ċans ieħor, inkunu miegħu bħalma hu jkun magħna kull darba li jaħfrilna fis-sagrament tal-maħfra.
fr. Terence Spiteri osa