Is-sliem għalikom

image2

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd meħud mill-Vanġelu skond San Luqa, jirrankontalna dehra ta’ Ġesu’ lill-appostli u lil dawk li kienu magħhom. Huwa rakkont li jiġi wara ‘provi’ oħra li jsemmi l-Evanġelista fil-versi ta’ qabel biex jurina li Ġesu’ huwa irxuxtat; in-nisa jsibu l-qabar vojt, id-dehra tal-anġli lin-nisa, Pietru jsib il-qabar vojt u d-dehra ta’ Ġesu’ lid-dixxipli t’Ghemmaws.

“Is-sliem għalikom!” – Ġesu jsellmilhom billi jagħtihom il-paċi, tislima li Ġesu’ juża ħafna darbi meta jidher lill-appostli u d-dixxipli tiegħu. Kemm nippruvaw affarijiet fil-ħajja biex insibu dik il-paċi interna, dak l-istat fejn inħossu ċerta kuntentizza bil-ħajja li qegħdin ngħixu (minkejja d-diffikultajiet li jinsabu f’kull ħajja). F’din it-tislima naraw li Ġesu’ lilna jrid jagħtina l-paċi tiegħu, paċi li tiġi minn tama ħajja fi Kristu rebbieħ fuq il-mewt, anke meta naħsbu li dak li qiegħed jitlob minna jista għall-ewwel jidher li qiegħed jassarna.

“Araw… Missuni… ħadha u kielha quddiemhom.” – Kemm –il darba l-appostli iddubitaw jew ma fehemux lil Ġesu’ anke matul il-ħajja publika tiegħu!!! Dawn huma tlett affarijiejt li Ġesu’ qal jew għamel mal-appostli u ma’ dawk li kienu hemm sakemm huma emmnu li kien Hu. Hekk ukoll jagħmel magħna. Qisu bħal jaqbdilna idejna u jibqa jagħtina sinjal wara l-ieħor biex jurina li Hu ħaj, li huwa preżenti fil-ħajja tagħna, anke fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Ma ninsewx li dan kollu qiegħed isir f’mument diffiċli għall-appostli, iġifieri huma bħalna għaddew minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb.

“Intom xhud ta’ dan” – Ġesu’ jgħid lill-appostli li huma xhieda ta’ dak kollu li bdew jesperjenzaw dak il-ħin. Aktar tard, bħalma nsibu fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli, Pietru jwassal ix-xhieda tiegħu lil ħaddieħor. Aħna qegħdin nagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu irxoxt fil-ħajja tagħna? Kemm qegħdin inwasslu din l-aħbar sabiħa tal-qawmien ta’ Kristu lill-oħrajn billi noffrulhom l-għajnuna tagħna f’mumenti iebsa?

Nitolbuk Mulej tagħtina l-għajnuna li nkunu kapaċi biex bħall-appostli u d-dixxipli nkunu lesti nilqgħuk f’nofsna, biex kontinwament tkun tista toffrilna l-esperjenza tal-qawmien fil-ħajja tagħna.

Andrea Naudi

Leave a Comment

Scroll to Top