Is-sena t-tajba lil kulħadd. Nibdew sena ġdida b’xewqat sbieħ u tajbin. Nawguraw lil xulxin sena mimlija b’ħafna affarijiet sbieħ, li l-liturġija tal-lum tiġborha f’kelma waħda – BARKIET – Il-Mulej jbierkek, li l-Mulej jimlik bil-barkiet tiegħu matul din is-sena li għadna kif bdejna. U fil-fatt il-qari jurina b’mod konċiż x’tikonsisti din il-barka ta’ Alla:
- li naraw wiċċ Alla u li niltaqgħu miegħu,
- li ngħixu u nesperimentaw il-ħniena t’Alla, li hija l-imħabba t’Alla, u
- li din il-barka mhux biss tkun wegħda imma realta, u dan f’Ġesu Kristu, fil-laqgħa tagħna miegħu, u li din hija barka mingħand Alla….il-laqgħa tagħna ma’ Ġesu li huwa l-Prinċep tal-Paċi u għalhekk mistiedna li ngħixu fil-paċi.
Pero nafu ukoll li mas-sena l-ġdida mhux se jinbidel kollox, u li tant problemi tal-bieraħ se jibqgħu magħna għada wkoll. Allura l-awgurju joħroġ minn tama reali li qed nislet mill-liturġija tal-lum.
Huma l-kliem li l-Mulej innifsu talab biex bihom jitbierek il-poplu tiegħu: «Il-Mulej ikun dawl għal wiċċek (…) Il-Mulej idawwar wiċċu lejk» (Numri 6,25-26). Li l-Mulej iqiegħed ħarstu fuqkom u li intom tkunu tistgħu tifirħu għax ta’ kuljum, wiċċu mimli ħniena, jiddi aktar mix-xemx, jiżreġ fuqkom mingħajr qatt ma jgħabex! L-iskoperta tal-wiċċ ta’ Alla ġġedded il-ħajja. Għax hu Missier innamrat mall-bniedem, li ma jgħejja qatt jerġa’ jibda mill-ġdid magħna biex iġeddidna.
Il-Mulej għandu paċenzja kbira magħna! Qatt ma jgħejja jerġa’ jibda mill-ġdid meta aħna naqgħu. Iżda l-Mulej ma jwiegħedx tibdil maġiku. Hu ma jużax il-bakketta maġika. Iħobb jibdel ir-realtà minn ġewwa, bil-paċenzja u bl-imħabba: jitlob li jidħol f’ħajjitna bid-delikatezza, bħax-xita fil-ħamrija, biex imbagħad tagħti l-frott. Jistennina dejjem, bit-tenerezza. Kull filgħodu mal-qawmien nistgħu ngħidu: “Illum il-Mulej qiegħed idawwalni b’wiċċu”. Talba sabiħa li hi realtà.
U fl-Evanġelju li għandna kemm smajna naraw ukoll li l-Mulej qiegħed ħarstu ukoll fuq ir-ragħja. Fil-fatt ma kienx rgħaj waħdu, imma kienu rgħajja flimkien u hemmhekk hemm ukoll aspett fratern. Mela l-Mulej mhux biss fuq kull wieħed u waħda minna biss idawwar wiċċu imma wkoll bħala komunità, bħala soċjetà. Xi ġmiel! X’tama! U r-rgħajja, għalkemm kellhom xi ftit biża, pero għal kelma tal-anġlu qawwew qalbhom, u ma baqgħux fejn kienu..imma kellhom qalb kapaċi li tisma’. U x’għamlu? Ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u ma qgħadux jitnikkru…ħaffew il-pass..bdew vjaġġ tal-ħajja…u min jaf kemm qalu f’qalbhom, ħa naraw x’ser insibu…imma kellhom il-kelma tal-anġlu li imlihom bit-tama….u meta waslu SABU lil Marija u Guzeppi u lit-tarbija. Sabu lil Ġesu, l-Prinċep tal-Paċi, l-għajn tal-fraternita tagħhom li kienet taqgħadhom.
Mela dawn ir-rgħajja huma bħalna li qegħdin infittxu. Nistgħu quddiem kelma nibqgħu fejn aħna, indifferenti, fuq is-sufan, imma nistgħu ukoll kelma timlina bit-tama u nimxu ‘l quddiem biex interrqu f’dan il-vjaġġ ta’ tfitxija, persważi li ser nsibu lil Ġesù…insibuh ta’ kuljum fl-afffarijiet iż-żgħar. U dan il-kliem ta’ tama f’ħajjitna jkun meta xi ħadd jgħinna nqumu, waqt xi qrara, xi mument ta’ diffikulta’, xi mument ta’ biża’ u xi ħadd jagħtik u jagħmillek kuraġġ u jakkumpanjak u jkun ħdejk..
Imma mbagħad r-rgħajja meta sabuh għamlu ħaġa. Ma żammewx kollox għalihom…imma ir-rgħajja b’imħabba, u li kienu diġa esperimentaw din il-fraternita bejniethom u issa bil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesu, ma żammewx din l-aħbar għalihom, imma marru jxandru l-aħbar sabiħa, jaqsmuha mal-oħrajn, jagħtu x-xhieda tagħha, isebbħu u jfaħħru lil Alla…Mela huma kienu xandara tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, tal-iskoperta tagħhom ta’ Ġesù. Hawn naraw ukoll li l-kelma t’Alla hija ħajja, hija effikaċi, u li sseħħ dejjem. Din hija l-fidi tar-rgħajja.
fr. David Cortis osa