Fl-ewwel qari naraw lil Alla jidħol f’patt mal-poplu Lhudi permezz ta’ Mose li huma jkunu l-poplu tiegħu u hu jkun Alla tagħhom u jagħtihom l-għaxar kmandamenti. Il-bażi tal-kmandamenti kollha hija l-imħabba infatti meta mistoqsi fuq liema hu l-kmandament il-kbir, Ġesu’ iwieġeb hekk; “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Ovvjament din hija xi ħaġa li aħna irridu inkun konvinti minnha u huwa dan li aħna mistedin nagħmlu f’dan ir-Randan, li nidħlu ftit fina nfusna u naraw ftit kif fil-ħajja tagħna qegħdin nħobbu lil Alla u lill-proxxmu u jekk hemmx bżonn ninbidlu għall-aħjar.
Jista’ jkun li aħna qisna bħal nagħżlu bejn il-kmandamenti, uħud iva insegwuwhom imma oħrajn le. Forsi uħud mill-kmandamenti narawhom bħala morsa li ma tħalliniex ngħixu kif irridu u bħala nuqqas ta’ liberta’. Il-kmadamenti għandna narawhom bħala l-gwida tagħna għal dixxipulat awtentiku wara Kristu. Forsi illum meta nsemmu l-kmadamenti dak li jkun jiddieħak bina.
Iva u quddiem dan kollu faċilment naqtgħu qalbna anke meta naraw soċjeta’ li qegħda tkun selettiva f’liema kmandament issegwi jew x’tifhem bihom u li faċilment aħna nistgħu ninġarru ma’ dan il-kurrent. Kulħadd jaf li huwa ħażin li toqtol il-ħajja ta’ xi ħadd, li tisraq etċ… biss huwa ħażin ukoll li toqtol il-moral ta’ dak li jkun, toqtol it-tama ta’ min żbalja, tisraq futur ta’ ħafna żgħażagħ bil-bejgħ tad-droga, li niskarta minn fuq ix-xogħol, li tagħmel il-karriera alla tiegħek tant li tasal biex tirrombla fuq kulħadd basta tilħaq, il-korruzzjoni etċ… Dawn huma kollha affarijiet li uħud minnhom mhumiex miktubin b’mod espliċitu fil-Bibbja biss jifformaw parti sħiħa mill-ispirtu tal-kmandamenti, u li aħna ħafna drabi biex inserħu l-kuxjenza tagħna naħbuhom taħt diversi kapep fosthom, ‘Mhux fil-business qiegħed!!!’, ‘Mhux kulħadd hekk jagħmel!!!’, ‘Mhux qed nagħmel xejn kontra l-ligi!!!’.
Tajjeb li ngħidu li dan m’għandux jaqtalna qalbna anke meta naqbdu lilna nfusna qegħdin nagħmlu bil-maqlub ta’ dak li jridna Kristu. L-importanti li nagħmlu ħilitna kollha u li nitolbu lil Alla jagħtina l-ispirtu tiegħu ħalli nkunu nistgħu nkomplu l-mixja tagħna. Ejjew f’dan ir-Randan nirriflettu ftit u fil-ħajja tagħna u nibdew inkejlu l-għemejjel tagħna bir-riga tal-imħabba biex verament nkunu qegħdin nilħqu l-għan tal-kmandamenti.
Andrea Naudi