F’dan l-aħħar Ħadd tas-sena kalendarja, il-knisja tiċċelebra il-festa tal-Familja Mqaddsa. Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd niltaqgħu ma’ Xmun, raġel li kien qiegħed b’fidi kbira jistenna li jara l-Messija, fejn dan jgħid lil Marija, li ‘sejf, jinfidlek ruħek!’. Ftit qabel l-Evanġelista jgħidilna li Marija u Ġużeppi baqgħu mistagħġba b’dak li Xmun kien qiegħed jgħid fuq Ġesu’.
Hawn wieħed jista’ jara kemm Marija għandha tkun mudell għalina, għax minkejja t-tbatija li ħabbrilha Xmun, ma qatgħetx qalbha, iżda b’fidi kbira hi baqgħet hemm sal-aħħar ma’ binha Ġesu’ takkumpanjah sa fuq is-salib. San Ġuzepp ukoll kien bniedem ta’ fidi għax minkejja li forsi mhux dejjem fehem dak li kien għaddej minnu, xorta emmen li dak li kien qed iseħħ kien bl-opra tal-Ispirtu s-Santu u għalhekk lil Marija m’abbandunahiex.
Hija l-fidi u l-koperazzjoni mal-pjan t’Alla li tagħmel lill-Familja Mqaddsa mudell għal familji tagħna. Iva, l-familji huma parti integrali kemm fis-soċjeta’ u kemm fil-pjan t’Alla. Huwa fil-familja li Ġesu’ kien ‘jikber u jissaħħaħ’. Jista jkun li maż-żmien il-valur tal-familja bħala bejta ta’ mħabba u għaqda naqas xi ftit. Forsi il-familja ma bqajniex narawha bħala l-post fejn l’ulied jieħdu l-valuri umani u nsara, bil-konsegwenza li ħallejna dan ix-xogħol esklussivament għall-katekisti u għall-għaqdiet tal-parroċċa, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu addizzjoni għall-formazzjoni li tibda’ mill-familja.
Ejjew nitolbu għall-familji biex dejjem iktar jissaħħu u b’hekk ikunu huma l-ewwel ċentru tad-duttrina għal uliedna u mudell ta’ għajxien awtentiku tal-ħajja nisranija u għal dawk li qed jippreparaw għaż-żwieġ biex f’din il-ġurnata jifmhu dejjem aktar li ż-żwieġ huwa ukoll sejħa minn Alla li għandha tittieħed b’impenn serju.
Ilkoll kemm aħna nistgħu induru lejn Marija u nitolbuha tidħol għalina biex bħalha nibqgħu magħqudin kuljum mal-pjan t’Alla għalina minkejja d-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom.
Andrea Naudi