Illum hija l-festa ta’ Pentecoste…waħda mill-isbaħ festi. Hija l-festa tal-Ispirtu s-Santu… Minn din il-ġurnata l-Ispirtu kien “mogħti”, u nirċevuh u nirrikonoxxu d-don ta’ Kristu Rxoxt.
L-Ispirtu li jagħti l-qawwa, li huwa preżenti f’kollox, preżenti fil-kultura tagħna. Huwa wkoll l-Ispirtu li bil-kwiet u tul iż-żmien jipperparana biex ngħixu l-fidi. Huwa l-Ispirtu li qed preżenti f’kull mument tal-ħajja tagħna. Mingħajru, ma nkunx l-istess. U grazzi għad-doni tiegħu, nista’ nimxi, nimxu f’dan il-vjaġġ ta’ fidi, tama u mħabba.
Huwa preżenti fina. Għaliex aħna minn aħna mhux minn barra imma minn ġewwa. Xi spirtu hemm fina? Nistgħu minn barra nidhru tajbin, imma minn ġewwa l-Ispirtu huwa dgħajjef, vojt, xotti…din mhux xi qasma bejn ta’ ġewwa u barra….għax anke bil-kontra, jista’ jkun li xi ħadd minn barra huwa marid, imma għandu spirtu ta’ tama, ta’ mħabba, ta’ fidi, ta’ ħlewwa, ta’ sabar, ta’ paċi interna.
L-Ispirtu kien minn dejjem. Illum l-Ispirtu li kien mwiegħed, ġie mogħti bħala don u rigal lilna. Hemm il-preżenza tiegħu. Meta nefaħ l-Ispirtu t’Alla, sar kambjament kbir – minn nies beżgħana maqfulin ġewwa ħarġu barra, l-biża tagħhom inbidlet…(u dan l-Ispirtu li jrid jagħmel lilna – fix-xhieda tal-fidi tagħna fih)…. minn nies li bdew jiddejqu u jinkwetaw kif ser jitkellmu, bdew jitkellmu ċar u tond u b’linġwi differenti, bdew jippridkaw (li aħna wkoll b’ħafna mħabba nitkellmu fit-tama li għandna f’Ġesu Kristu, li nakkumpanjaw lil ħaddieħor) …Ħalli l-Ispirtu t’Alla jiftaħ il-bieb u t-twieqi, jonfoħ, jwaqqa l-ħitan!…ħa jiftaħ il-bibien ta’ qlubna mill-biżgħat tagħna, mill-istereotipi lejn persuni oħra, lejn djalogu seren ma kulħadd u fil-kultura (kif kien jagħmel Ġesu)…li noħorġu mill-kaxxa magħluqa ta’ kif naħsbu u nħarsu lejn l-affarijiet…li ninżlu fil-fond u b’dixxerniment nagħżlu l-Ispirtu veru fil-kultura tagħna…mhux kollox ħażin, anke jekk jidher at first glance li hemm il-ħażin, ejjew l-aħwa ninżlu fil-fond tal-affarijiet u naraw warajhom x’hemm……ninżlu fil-fond u naraw l-ispirtu li hemm, ukoll l-Ispirtu t’Alla, għaliex fejn hemm il-persuni hemm l-Ispirtu t’Alla, għaliex aħna kollha kemm aħna tempju tal-Ispirtu t’Alla…
Huwa attiv fil-qlub tagħna. Kulħadd huwa msejjaħ biex jwieġeb lil Ispirtu b’Iva jew b’Le.
U fejn nistgħu nesperjenzaw dan l-Ispirtu t’Alla? Jien narah …
- F’mumenti meta kont kważi qtajt qalbi, u dak il-ħin jitfaċċa xi ħadd – bil-Malti ngħidu rajtek anġlu – u li b’kelma waħda, b’taptipa ċkejkna, minn hemm mxejt il-quddiem. Kien l-Ispirtu t’Alla.
- Narah f’dawk il-persuni li minkejja huwa morda, huwa mimlija b’tama – u jikkunslaw lilek.
- Narah fit-tajjeb fil-ħajja, fil-persuni li għandhom il-paċi f’qalbhom u li jitkellmu b’mod ħieles u ma għandhom preġudizzji u maskli.
- Jkun fil-mumenti ta’ talb komunitarju…ikun ukoll fil-biki li ma jinstemax u wkoll fil-ferħ.
- F’xhieda umli ta’ nsara mimilijin mħabba, ta’ ħbieb li tani, ta’ persuni li ġabuli differenza f’ħajti.
- Narah fin-natura, fil-kwiekeb bil-lejl, fis-skiet u s-silenjzu, fis-safa tal-qalb, fejn l-affarijiet huwa awtentiċi u mhux mimlija ġideb, nofs veritajiet, ambizzjonijiet, għira, piki, ġlied u ħafna strutturi.
- Inħossu fil-ferħ tal-qadi, tas-servizz, tal-ġid li tkun għamilt mingħajr ħadd ma jinduna, u mhux fid-deher.
- Qiegħed miegħi ta’ kuljum fil-limitazzjonijiet tiegħi. Jgħidli La Tibżax….
- Inibu f’dak il-leħen li ma tisimgħux b’dawn il-widnjen, imma tħossu qed jgħajjatek bil-qawwi f’qalbek.
Dan l-Ispirtu huwa l-istess Spirtu li Santu Wistin, missier il-komunita tagħna, jsejjaħlu bħala Alla fl-Istaqrijiet, meta jgħidlu – Inti kont iktar fil-fond minn dak li fhimt, u ogħla minn dak li stajt nilħaq.
Ejja Spirtu ta’ Alla u ġedded il-wiċċ tal-art…diġa qed hemm, imma hemm bżonn ta’ tiġdid. Tiġdid fir-relazjonijiet tagħna ma’ xulxin, fil-ħajja spiritwali tagħna, fil-mixja tagħna ta’ kuljum, fil-kultura tagħna, fis-soċjeta, fil-Knisja, fil-familji, fina bħala individwi.
Aħna għandna nkomplu f’din il-mixja ta’ tfixxija mal-oħrajn li nkunu alternativa li nġibu tama bil-preżenza tagħna: alternativa għal dak li huwa rieqed fil-kultura tagħna, fil-life styles, alternativa fil-valuri li hemm fl-ekonomija, fil-politika, fil-gvernijiet, li ma jirriflettux l-tagħlim ta’ Ġesu, u nevanġelizzaw permezz tal-valuri.
fr. David Cortis osa