Fil-vanġelu skont San Ġwann, l-ewwel ħaġa li bniedem jgħid titpoġġa fuq ix-xufftejn ta’ Ġwanni l-Battista: Araw il-Ħaruf t’Alla. Niftakru fis-sagriffiċju tal-Ħaruf u tal-Passover (il-festa li timmarka l-ħelsien ta’ Iżrael). Li nkunu ħielsa hija esperjenza qawwija, u tirrifletti kif jien nesperjenza l-ħelsien fi Kristu. Min xiex jien meħlus? (eż mill-biża tal-mewt, mir-riskju tal-absurdita, mid-dnub, mid-direzzjoni ħażina fil-ħajja). U iktar minnhekk, għal xiex jien ġejt meħlus? U x’inhuma l-konvinzjonijiet tiegħi li nkun mibgħut u min bagħatni?
Hawnhekk naraw lil Ġesù għandu missjoni ċara. Ġie fid-dinja b’missjoni ċara. U x’inhi din il-missjoni? Li jeħlisha mill-jasar tad-dnub, billi jitgħabba bil-ħtijiet tal-ġens uman. Kif? Bl-imħabba. M’hemmx mod ieħor kif tirbaħ il-ħażen u d-dnub jekk mhux bl-imħabba li twassal għall-għotja tal-ħajja għall-oħrajn. Hu il-veru ħaruf tal-Għid, li jogħdos fix-xmara tad-dnub tagħna, biex isaffina.
Ġesu’ qatt ma waqaf ikun ħaruf: ħelu, tajjeb, mimli bl-imħabba, qrib iż-żgħar, qrib il-fqar. Hemm kien, fost in-nies, ifejjaq lil kulħadd, jgħallem, jitlob. Ġesu’ huwa tassew bla forza, bħal ħaruf. Imma kellu l-qawwa li jġorr fuq spallejh id-dnubiet kollha tagħna, kollha.
Xi jfisser għalina, illum, li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Ħaruf ta’ Alla? Aħna l-insara għandna nagħmlu dan: inpoġġu l-innoċenza flok il-ħażen, l-imħabba flok il-qawwa, l-umiltà flok is-suppervja, il-qadi flok il-popolarità. Li nkunu dixxipli tal-Ħaruf ifisser li ma ngħixux qisna belt taħt assedju, imma bħala belt li tinsab fuq l-għolja, miftuħa, li tilqa’ lil kulħadd, li tgħin lil kulħadd. Ifisser li m’għandniex nadottaw imġieba magħluqa, imma li nwasslu l-Vanġelu lil kulħadd, u billi nixhdu bil-ħajja tagħna li l-mixi wara Ġesù jagħmilna aktar ħielsa u aktar ferħanin.
Ġesu qatt ma jiddisappuntana. Qatt. Din hija x-xhieda ta’ Ġwanni: Ġesu’, dak li hu tajjeb, ħelu, li jtemm ħajtu bħal ħaruf, maqtul. Mingħajr ma jgħajjat. Huwa ġie biex isalvana, biex ineħħi d-dnub. Id-dnub tiegħi, tiegħek, u dak tad-dinja: kollha, kollha.
U issa nistedinkom biex tagħmlu xi ħaġa: ejjew ngħalqu għajnejna, nimmaġinaw dik ix-xena hemm, fuq xatt ix-xmara, Ġwanni qed jgħammed u Ġesù għaddej. U nisimgħu leħen Ġwanni: “Dan hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Inħarsu lejn Ġesù u fis-skiet, kull wieħed u waħda minna, jgħid xi ħaġa minn qalbu lil Ġesu’. Fis-skiet.
fr. David Cortis osa