“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”

SART-2017-02-26-1090x639“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”

Il-liturġija tal-kelma ta’ dan il-Ħadd tippreżentalna lil Kristu bħala l-persuna li aħna irridu nisimgħu fil-ħajja u li b’fidi fih u bil-għajnuna tiegħu nkunu kapaċi nwettqu dak kollu li Alla jitlob minna fil-ħajja u nirbħu kull diffikulta li niltaqgħu magħha.

L-ewwel qari

“Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb … u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq” –  Quddiem ir-rakkont tal-ewwel qari, nibqa mistgħaġeb bil-fidi kbira li kellu Abraham. Nimmaġinaw ftit x’kienet tkun ir-reazzjoni tagħna kieku aħna konna minflok Abraham; qabel Alla jgħidlu biex jitlaq minn fejn kien joqgħod u jmur f’art oħra mingħajr ma jgħidlu fejn, wara jgħidlu li kellu jkollu lil Iżakk u li ‘jien nagħmel patt miegħu għal dejjem, u ma nislu warajh’ u issa qed jgħidlu biex joffrih b’sagrificcju. Forsi r-reazzjoni tagħna tkun, ‘Mulej, dan x’taħwid hu?’ jew ‘Iddeċiedi Mulej xi trid?’. Iżda quddiem dan, Abraham jirrispondi bil-fidi u jagħmel dak li jitlob minnu Alla. Hawnhekk tajjeb nirriflettu ftit fuq kif l-istorja t’Abraham tirrepeti ruħha kontinwament fil-ħajja tagħna. Ilkoll ġieli esperjenzajna mumenti fejn Alla jitlobna b’sagrifiċju dak li aħna nħobbu u dak il-ħin ma nifhmux għalfejn. Quddiem dawn l-għażliet aħna nistgħu inwieġbu bil-fidi bħal Abraham jew nirrifjutaw, ingergru, nirrabjaw etċ… Ir-riżultat t’Abraham għaliex afda f’Alla kien mhux talli issagrifika lil ibnu, talli Alla wegħdu li nislu jkun mkattar bħal ‘kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar’.

Is-Salm

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: “Jiena mdejjaq ħafna!” – Dak li qed jgħid is-salmista hija esperjenza qawwija ħafna. Is-salmista ukoll juri l-istess element preżenti fil-ħajja t’Abraham u fil-ħajja ta’ kull wieħed minna. Bħalna s-salmista kellu mumenti fejn għadda minn perjodi ta’ dwejjaq, ta’ qtiegħ il-qalb, fejn ħassu qiegħed jereq, fejn beda jara dlam biss etċ… iżda quddiem dan kollu m’abbandunax il-fidi. Ippersevera fil-fidi!!! U għax baqa jemmen is-salmista jasal f’punt fejn lil Alla jgħidlu, ‘Int ħallejtli l-irbit tiegħi’. Is-salmista huwa eżempju għalina li meta nibdew inħossu li il-mixja spirtiwali qegħda taqtalna nifisna u nkunu ittentati biex nabbandunaw kollox, niftakru li dan kollu jifforma parti essenjali f’din il-mixja tagħna wara Kristu u b’hekk il-problemi nibdew narawhom f’perspettiva oħra. Inżommu quddiem moħħna il-kliem mill-ktieb ta’ Bin Sirak, ‘żomm sħiħ, biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ’ u nagħmlu kuraġġ bil-kliem ta’ San Pawl fit-tieni qari meta qal, ‘jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?’. Irridu nemmnu li Alla huwa dejjem preżenti anke f’dawk il-mumenti fejn ma nħossuhx, fil-mumenti ta’ diffikulta’.

L-Evangelju

 ‘Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!’ – Ir-reazzjoni ta’ Pietru għal dak li beda jara u jħoss fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’ hija xi ħaġa sabiha. Hawnhekk it-tlett dixxipli esperjenzaw il-glorja t’Alla, dak li aħna nesperjenzaw meta mmorru l-ġenna. Hija din l-esperjenza li lilna timmotivana ngħixu tajjeb f’din id-dinja, għaliex aħna ukoll bħal Pietru irridu li qalbna tkun mimlija b’kuntentizza infinita, inkomparabli mall-pjaċir li aħna nħossu f’din id-dinja. Jekk verament nemmnu li dak li ra Pietru hu veru, allura l-viżjoni tagħna tal-ħajja u l-mewt jinbdilu. Għalina d-dinja ma’ tibqax post fejn l-għanijiet tagħna jkunu; għatx esaġerat għall-ġid u l-flus, li nirrombla fuq l-oħrajn basta nasal fejn għandi nasal, karririżmu sfrenat, post fejn jekk jien ‘ok’ kulħadd ‘ok’, imma issir opportunita’ biex nuri l-imħabba tiegħi lejn Alla bis-serjeta’ billi noħloq relazzjonijiet sani ma’ persuni oħra mingħajr ma jkolli agenda moħbija, nkun sensibli għal bżonnijiet tal-oħrajn anke tal-iżgħar fis-soċjeta’ etċ… u dan għaliex il-ħajja issir post fejn inkunu nistgħu nirrispondu għas-sejħa li għamlilna Alla , igifieri li nħobbu. Huwa meta nwieġeb għal din is-sejħa li nibda nduq ftit minn dik l-glorja li deheret fit-trasfigurazzjoni. Dawn huma sfidi li kulħadd irid jaħdem fuqhom u nibqgħu hekk sakemm immutu. Il-viżjoni tagħna tal-mewt ukoll tinbidel. Għalina l-mewt issir tlugħ fuq il-muntanja biex nitgħaxxqu bil-glorja t’Alla u biex ma’ Pietru ngħidu, ‘Kemm hu sew li aħna hawn!’

“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” – Għal darb oħra Ġesu’ huwa muri lilna bħala l-peruna li aħna għandna nsegwu/nisimgħu fil-ħajja tagħna. Marija ukoll fit-tieġ ta’ Kana tistedinna biex nagħmlu, ‘dak li jgħidilkom hu’. Fil-ħajja tagħna aħna mdawrin b’nies li għandhom ideat differenti tal-ħajja li xi kultant mhux dejjem jaqblu mall-Vanġelu. Jista jkun li quddiem ċerta sitwazzjonijiet aħna naqbdu lilna nfusna f’kunflitt fuq minn min ħa naqbad nisma. Jista’ jkun li qed nisma minn kulħadd (minni nnifsi, minn tal-familja, mill-partit, mill-ħbieb, mid-destin etċ…) barra minn Ġesu’ jew nisma minn Ġesu’ biss meta jaqbilli. Irridu naraw ilkoll kemm aħna fejn ħa nitfgħu widnejna ħalli nisimgħu u eventwalment naġixxu. Abraham kien dispost li jisma minn Alla anke meta forsi ma fehemx jew bil-kalkoli tiegħu ra li ma jaqbillux. Jien ħa nibqa nagħmel ta’ rasi?

‘neżlin minn fuq il-muntanja’ – Wara t-trasfigurazzjoni t-tlett appostli niżlu lura flimkien ma’ Ġesu’ biex ikomplu l-missjoni tagħhom. Aħna ukoll, minkejja li ħerqana biex immorru ngawdu lil Alla għal dejjem, l-ewwel irridu ngħixu l-ħajja f’din d-dinja u naqdu l-missjoni li Kristu jrid minna anke jekk din tkun tinvolvi sagrifiċċji kbar.

Iva, meta aħna nkunu ġeneruzi m’Alla, meta nkunu disposti li nagħmlu dak li jitlob minna (anke meta f’għajnejna jista’ jidher bħala taħwid u ġenn tal-moħħ!!!) minkejja t-tbatijiet kollha li ġġib magħha s-sitwazzjoni, aħna nsibu s-sens ta’ ħajjitna u finalment niksbu l-premju tal-ħajja bla tmiem.

Andrea Naudi

 

Leave a Comment

Scroll to Top