Xi jrid Alla minni?

Xi jrid Alla minni?

X’jixtieq minn ħajti?

X’inhi s-sejħa li għandu għalija?

Fejn nista’ nsib il-ferħ veru f’din id-dinja?

Dawn huma domandi diffiċli u jistgħu ibeżżgħuna imma fl-istess ħin mistednin inpoġġu t-tama f’Alla li huwa Missier u wegħedna li ser jakkumpanjana tul ħajjitna kollha. Il-wegħda tiegħu tirbaħ kull inċertezza, dubju u tbatija.

Ir-risposta għall-mistoqsija ta’ “Alla xi jrid minni” hija bejnek u bejn Alla imma hemm diversi aspetti li jgħinuk fir-riflessjoni (dixxerniment) biex twieġeb b’onestà u fedeltà dak li Alla jrid minnek.

Qabel nitkellmu minn x’tip ta’ sejħa Alla għandu għalija, hemm mistoqsija ikbar – X’tip ta’ qdusija Alla jrid għalija? Kulħadd huwa msejjaħ għall-qdusija: lajċi single impenjati, miżżewġin, reliġjużi u saċerdoti. Din hija s-sejħa universali li tgħodd għal kulħadd. Fl-aħħar il-Mulej mhux ser jistaqsina jekk kontx, saċerdot jew miżżewweġ imma jekk ħabbejniex lill-oħrajn. San Ġwann tas-Salib jgħid li fl-aħħar jum aħna ser inkunu ġġudikati fuq l-imħabba biss.

X’ser ikun l-istat tal-ħajja tiegħi? Kif ser inkun naf għal-liema triq jiena msejjaħ: ħajja reliġjuża, ħajja saċerdotali, lajk single impenjat? Niżżewweġ u nibni familja? Hija din il-persuna li magħha ser naqsam ħajti u nwiegħed li nirrispetta u nħobb ħajti kollha?

Għalhekk il-mistoqsija vokazzjonali ssir: Liema sejħa l-iktar li ser tħallik tħobb u tagħti lilek innifsek lil Alla u lill-oħrajn: billi trabbi familja, issir saċerdot, tgħix il-ħajja reliġjuża jew il-ħajja ta’ lajk single impenjat/a? Nixtieq naqsam miegħek ftit aspetti li jgħinuk tkompli tfittex u tiskopri dak li Alla jrid minnek.

Ir-relazzjoni tiegħek mal-Mulej hija ferm importanti f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni u deċiżjonijiet kbar fil-ħajja tiegħek. Ħalli l-Kelma ta’ Alla tkun  kumpann fil-mixja tiegħek, ipparteċipa fl-Ewkaristija li hija l-ikel u x-xorb tal-ħajja tagħna, faħħar lil Alla b’ħajtek u tiddejjaqx toqgħod quddiem l-Ewkaristija, fil-preżenza tiegħu. Irrifletti fuq ix-xewqa sinċiera li tagħti lilek innifsek lill-oħrajn għax kull sejħa għandha l-għan li tingħata lill-oħrajn.

Isma’ x-xewqat li hemm fil-fond ta’ qalbek u b’hekk tkun taf x’inhu dak il-ferħ li l-Mulej ħejja għalik, hu jitkellem fis-silenzju tal-qalb u fl-esperjenzi li jgħaddik minnhom, fil-persuni li magħhom tiltaqa’. Huwa normali li tħossok imħawwad u xi drabi l-istess xewqat ikunu opposti ta’ xulxin. Kemm ilek tħoss din ix-xewqa għas-sejħa partikolari? Il-persistenza u l-perseveranza tax-xewqa tkompli tagħtik dawl fuq dan kollu.

Aspett importanti f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni huwa l-prinċipju tar-realtà. Ilkoll nafu li huwa Alla li jsejjaħ, huwa ħaddieħor li jaċċetta li jgħix ħajtu miegħek. Din hija r-realtà esterna – jekk naraw is-sejħa għall-ħajja miżżewġa nirrealizzaw li jrid ikun hemm l-istess rieda u xewqa miż-żewġ persuni, ma nistax naħseb li jien inħobb lil dik il-persuna jekk il-persuna l-oħra mhux tħoss l-istess emozzjonijiet u ma tixtieqx tkompli ssir tafni.

L-istess ħaġa fis-sejħa għall-ħajja reliġjuża/saċerdotali. Hija l-Knisja li ssejjaħ/tistieden u tilqa’ l-persuna biex tgħin l-għalqa tal-Mulej. Għalhekk huwa importanti li d-dixxerniment isir minnek u mill-Knisja (minn persuna li tkun qed takkumpanjak fil-mixja vokazzjonali tiegħek – akkumpanjatur vokazzjonali, direttur spiritwali, surmast eċċ). Dan l-aspett ikompli jgħin fit-tfittxija għas-sejħa awtentika u sinċiera li Alla għandu għalik.

Jista’ jkun li l-biża’ twaqqfek u ma tħallikx tkompli tiskopri s-sejħa li Alla għandu għalik. Nistgħu nibżgħu li Alla qiegħed isejħilna għal xi ħaġa li mhux ser inkunu kuntenti. Alla ma jixtieqx li fis-sejħa u l-ħajja tagħna nkunu mdejqin imma l-iskop tas-sejħa huwa li jsalvana u jagħtina l-ħajja. Is-sejħa vera hija dik li timliena bil-ferħ u l-entużjażmu, dik li tagħtina l-paċi veru tal-qalb u tħallina nkunu aħna stess. M’għandekx għalfejn ġġiegħel lilek innifsek tibdel il-personalità tiegħek biex tidħol f’dik is-sejħa partikolari. Din għandha tkun naturali fl-istess waqt bix-xewqa tal-għarfien dejjem iktar tiegħek innifsek fi żvilupp kontinwu matul iż-żmien. Il-Mulej ser iħejjina u jibdilna għal dak li għandna bżonn.

Nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ngħix u nwettaq dak li Alla jrid minni.

Biża’ komuni huwa l-biża’ personali – l-biża li mhux ser inkun kapaċi, il-mistħija li twaqqafni milli nagħmel pass f’ħajti, il-biża’ mid-dgħufijiet tiegħi. Dawn huma kollha biżgħat normali u m’għandix inħallihom ifixkluni milli nkompli nintelaq f’idejn il-Mulej. Il-biżgħat u d-dgħufijiet tagħna huma parti minn ħajjitna u permezz tagħhom inkomplu niskopru lilna nfusna. Tista’ tegħlibhom? Iva tista’, imma bil-mod u b’ħafna paċenzja, dan jitlob ħafna żmien, talb, u għajnuna minn diversi persuni oħrajn (ħbieb, akkumpanjaturi spiritwali, għajnuna professjonali eċċ). Għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor biex inqumu u noħorġu minn dawn id-dgħufijiet.

Jekk tixtieq twieġeb għal sejħa li hemm f’qalbek, agħmel kuraġġ u taqtax qalbek, il-Mulej ser ikun miegħek anke fil-mumenti li fihom ma tagħrafx il-preżenza tiegħu. Għażilt triq diffiċli u ta’ sfidi kbar, jista’ jkun li ta’ madwarek mhux qegħdin jagħmlu l-istess għażla, tħossok miexi kontra l-kurrent u t-triq hija dejqa ħafna? Tistenniex sakemm tkun il-ġenna biex tħoss l-imħabba tal-Mulej…ibda minn hawnhekk! Il-Mulej qiegħed jistenniek. Intelaq f’idejh…Ħallih imexxik…Agħmel il-pass illum!

Jekk tixtieq tiskopri iktar dak li Alla jrid minnek, ikkuntattja lil P. Terence Spiteri osa fuq 21222884 jew email terencespiteri@gmail.com.

fr.Terence Spiteri OSA

Akkumpanjatur Vokazzjonali

Scroll to Top