Xewqat Sbieħ fil-bidu tal-Ministeru Petrin tal-Papa Ljun XIV

Nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, il-Papa Ljun XIV iċċelebra quddiesa fi Pjazza San Pietru b’ġesti u riti simboliċi li permezz tagħhom ingħata bidu uffiċjali għall-Ministeru Petrin li issa qed jassumi. Fost diversi aħwa Agostinjani kien hemm għaċ-ċelebrazzjoni anke l-Provinċjal P. Leslie Gatt f’isem l-aħwa Agostinjani Maltin. Taħt sema kaħlani, komunità kbira ta’ nsara minn madwar id-dinja flimkien ma’ diversi delegazzjonijiet ċivili minn diversi stati, nġabru u talbu  flimkien għall-Papa, għall-Knisja u għad-dinja kollha.

L-għada filgħodu il-Provinċjal flimkien ma’ numru ta’ Reliġjużi Agostinjani kellhom l-opportunita’ jiltaqgħu f’udjenza privata mal-Papa Ljun XIV li laqagħhom wara nofs ta’ nhar impenjattiv ta’ diversi udjenzi. Kienet mument li fih l-istess Papa Ljun seta jkun xi ftit aktar informali u qasam mal-aħwa l-imħabba tiegħu lejn Santu Wistin li jgħaqqadna lkoll flimkien fil-ħajja reliġjuża li ġejna msejħa biex ngħixu. Kien mument mill-isbaħ li fih il-Provinċjal wassal lill-Qdusija tiegħu il-ferħ tal-aħwa Agostinjani Maltin għall-aħbar tal-ħatra tiegħu, flimkien mal-isbaħ xewqat tagħhom, tal-Arċisqof u tal-Knisja f’Malta.

Sadanittant aktar kmieni matul il-ġimgħa, il-Provinċjal bagħat anke messaġġ ta’ awguri lill-istess Papa Ljun XIV f’isem l-aħwa kollha. Fil-messaġġ tiegħu il-Provinċjal fakkar is-snin li fihom il-Papa Ljun XIV serva bħala Pirjol Ġenerali tal-Ordni u r-relazzjoni sabiħa li dejjem bena u żamm mal-aħwa Maltin. Fuq kollox aċċertah mill-appoġġ u mit-talb tagħna.

Scroll to Top