X’differenza nista’ nagħmel? L-esperjenza missjunarja fil-Perù

L-esperjenza missjunarja fil-Belt ta’ Iquitos u r-raħal ta’ Nauta fil-Perù kienet waħda emozzjonanti, hekk kif qabel ma tkun tlajt u żżur iż-żoni ta’ fejn tkun ser taħdem fihom jibdew jiġuk diversi mistoqsijiet bħal –  “Kif inhu l-ambjent li jgħixu fih dawn in-nies?, “Kif ser inħossni f’din l-esperjenza bħala grupp, kif wkoll, “X’differenza nista’ nagħmel jien?”  

L-isbaħ mumenti ta’ din l-esperjenza kien meta rajna b’għajnejna stess forom ta’ djar li kienu fi stat ħażin u diżastruż, iżda b’persistenza, kuraġġ u għaqda bejnietna  wara jiem ta’ ħidma u tbatija irnexxielna nibnulhom djar sempliċi tal-injam pero’ iżjed diċenti fejn il-familji jkunu jistgħu jistkennu minn maltemp qawwi li jolqot dawn iż-żoni li kawża tagħhom jogħla l-livell tax-xmajjar. L-izjed sodisfazzjon tiegħi kien meta kont nara l-familji kuntenti u emozzjonanti wara dak li nkunu għamilna magħhom. Minkejja l-isfidi li dawn in-nies jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum u minkejja li huma vittmi ta’ inġustizzja soċjali mill-Awtoritajiet lokali, dawn il-familji dejjem laqgħuna b’imħabba, daqslikieku aħna ilna nafu lil xulxin diversi snin u dan meta tieħu inkonsiderazzjoni l-isfida li kellna aħna l-voluntiera minħabba l-lingwa u djalett li jitkellmu bih dawn il-familji.  

L-għaqda tal-grupp nemmen li hija l-iżjed fattur importanti, hekk kif bniedem waħdu ma jista’ jagħmel xejn, iżda jrid l-għajnuna tal-persuni madwaru biex l-iskop jintlaħaq – u dan anke f’aspett voluntarju bħalma għixna aħna l-missjunarji l-Peru’. Dan l-aspett jitlaħaq grazzi għal preparazzjoni għaqlija qabel mal-grupp jitla’ għal din l-esperjenza, bħal laqgħat ta’ formazzjoni, live-ins, organizzazzjoni ta’ fundraising activities u mumenti oħrajn li jkomplu jibnu l-grupp flimkien. Permezz ta’ dawn il-mumenti, kull persuna fil-grupp tkompli tiskopri iktar  lilha nfisha u b’hekk issaħħaħ dak li hu tajjeb fiha u taħdem iktar fuq dawk l-affarijiet li huma dgħajfin.

Għalkemm din l-għajnuna li tajna hi biss qatra f’oċean u ma biddilnix l-istruttura tad-djar kollha li jinsabu f’Iquitos, b’mod partikolari, fis-slum ta’ Puerto Masusa, l-għaqda tal-grupp ta’ bejnietna l-missjunarji u l-imħabba li tajna u wisq iżjed rċevejna tat raġġ ta’ dawl lill-persuni anqas ixxurtjati minna u tirrifletti l-impatt pozittiv li ħallejna warajna.

Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lis-Segretarjat  Missjonijiet Agostinjani li tawni din l-opportunità biex inkun parti mill-ewwel grupp missjunarju fil-Perù.

Christian Cauchi
AMIGOS

Scroll to Top