Ħafna jafu lil ħuna l-Kardinal Prospero Grech bħala bniedem akkademiku. Apparti li ftit ġranet ilu għalaq 75 sena bħala reliġjuż Agostinjan, huwa ħadem tista tgħid ħajtu kollha f’Ruma fejn għallem f’diversi universitajiet u kien ko-fundatur tal-Istitut Patristiku ‘Augustinianum’. Ta anke kontribut varju lil knisja f’kummisjonijiet u dakasteri differenti.
Imma forsi ftit jafu li l-Kardinal huwa anke fotografu u għal tant snin kellu din il-passjoni li jaqbad permezz tal-kamera mumenti ta’ karattri u xeni mill-isbaħ f’Ruma, Malta u anke f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.
It-Tnejn 28 ta’ Ottubru fil-palazz tal-president f’Sant Anton, il-President ta’ Malta inawgura wirja fotografika b’madwar tletin ritratt meħuda tul is-snin mill-istess Kardinal. Il-Kardinal Grech, li ftit ġimgħat oħra jagħlaq l-eta sabiħa ta’ 94 sena, kien ukoll preżenti għal dan il-mument u rringrazzja lil President u lil dawk kollha li għamlu din l-inizjattiva possibbli.
Il-Wirja ser tkun miftuħa għal ħmistax –il ġurnata u r-ritratti esebiti jistgħu jinxtraw bid-dħul imur għall-Community Chest Fund.