Bħala parti mill-Viżta Pastorali li qed jagħmel fid-djoċesi ta’ Għawdex, nhar it-Tlieta 22 ta’ Ottubru l-E.T. Mons Anton Teuma żar il-Komunita Agostinjana li tgħix u sservi fil-Belt Victoria. Preżenti għal laqgħa kien hemm anke l-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. Fil-laqgħa, Mons Teuma wassal l-apprezzament tiegħu għall-preżenza tal-komunitajiet reliġjużi fil-knisja f’Għawdex kif ukoll għas-servizz li r-reliġjużi Agostinjani jagħtu lill-Knisja lokali. Barra s-servizz sagramentali fil-Knisja ta’ Santu Wistin u postijiet oħra, ir-reliġjużi Agostinjani jagħtu servizz pastorali regolari fis-sixth Form Sir Mikelangelo Refalo tal-Belt Victoria, u fid-dar tal-Anzjani Sant Ġużepp f’Għajnsielem. Il-laqgħa kompliet b’diskussjoni sabiħa li misset diversi aspetti tal-Knisja lokali u l-isfidi li qed tgħix fis-soċjeta ta’ llum.