Il-Provinċja Agostinjana Maltija tingħaqad mal-Knisja fis-sogħba tagħha għall-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI: ragħaj fidil; ħassieb; studjuż u ammiratur kbir ta’ Santu Wistin Missierna.
Joseph Aloisius Ratzinger twieled nhar is-16 ta’ April 1927, fil-belt Ġermaniża ta’ Bavaria. Huwa serva lill-Knisja f’diversi rwoli bħala saċerdot, għalliem, isqof, kardinal u aktar tard Papa. Ftit qabel il-ħatra tiegħu bħala Papa, il-Kardinal Joseph Ratzinger kien ħa sehem fil-pellegrinagg bil-fdalijiet ta’ Santu Wistin f’Ruma. Il-Ħadd 14 ta’ Novembru 2004 kien filfatt akkumpanja l-pellegrinaġġ għall-belt ta’ Ostja, fejn ippresieda l-Ewkaristija Solenni fil-Knisja Agostinjana ta’ Sant Awrea.
Joseph Ratzinger kien inħatar Papa f’konlavi li ssejjaħ wara l-mewt tal-mibki San Ġwanni Pawlu II f’April 2005 u ħa l-isem ta’ Benedittu XVI. Tul is-snin li serva bħala ragħaj tal-Knisja Kattolika, Benedittu XVI wera l-ammirazzjoni kbira tiegħu lejn Santu Wistin billi spiss kien jikkwota t-tagħlim. Diversi drabi rrifletta anke fuq il-ħajja tiegħu fil-katekeżijiet tal-Udjenzi nhar ta’ Erbgħa u f’omeliji jew dokumenti li ppubblika.
Fit-22 ta’ April 2007 imbagħad bħala Papa għamel pellegrinaġġ biex jivvenera l-istess fdalijiet ta’ Santu Wistin meqjuma fil-Basilika Agostinjana ta’ San Pietro in Ciel d’Oro f’Pavia.
F’Ġunju tal-2007, il-Papa Benedittu kien ikkanonizza l-ewwel qaddis Malti, San Ġorġ Preca, f’Ċelebrazzjoni li nżammet fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan. Bejn is-17 u t-18 ta’ April 2010, il-Papa Benedittu għamel żjara qasira imma intensa f’Malta. Din kienet filfatt it-tielet żjara ta’ Papa fil-gżejjer tagħna, imbierka mill-Appostlu San Pawl.
Fis-6 ta’ Jannar 2012 l-istess Papa Benedittu kien ħabbar il-kreazzjoni ta’ ħuna Patri Prospero Grech O.S.A. bħala kardinal b’apprezzamment għall-ħidma u l-kontribut tiegħu fil-Knisja tul is-snin. Il-kreazzjoni tiegħu kienet filfatt imbagħad saret fit-18 ta’ Frar 2012.
Meta saħħtu bdiet tnin, il-Papa Benedittu ħass li kellu joffri r-riżenja tiegħu u jirtira f’ħajja mogħtija aktar għat-talb u s-skiet. Dan għamlu nhar it-28 ta’ Frar 2013 u għal kważi 10 snin għex fil-Monasteru Mater Ecclesiae fil-belt tal-Vatikan stess.
Il-Papa Benedittu XVI għadda għall-ħajja ta’ dejjem illum 31 ta’ Diċembru 2022. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ssellem il-memorja ta’ ragħaj fidil u tirrakkomanda lil ruħu fit-talb tagħna.