Għażiż/a żagħżugħ/a
Jisimni Wistin. Għalkemm għext żmien ilu, għadni ħaj illum permezz tal-ħafna kitbiet li ħallejt warajja. Nixtieq li permezz ta’ din l-ittra ċkejkna nagħmlu bħal encounter bejnietna ta’ dak li għext, esperjenzajt, ġarrabt, irriflettejt, u ta’ kemm Alla tas-sorpriżi kien preżenti kontinwament minkejja d-diversi dubji u diffikultajiet li ltqajt magħhom fiż-żgħożija tiegħi. Għaliex, jiena bniedem u ngħix qalb il-bnedmin (cf Ittra 78,8), u “x’inhi qalbi jekk mhux qalb umana?” (De Trinitate IV, prol. 1). Għalhekk ħabib, dawn huma pinzellati ċkejknin mir-riflessjonijiet tiegħi fejn ikomplu jkunu ta’ kuraġġ u tama għal ħajtek.
Dejjem fittixt u qalbi dejjem kellha dak l-għatx għall-verità. Fl-istess ħin ma żammejtx dan kollu għalija imma permezz tat-taħżiż tiegħi, ippruvajt nikkomunika l-esperjenza umana li għaddejt f’forma ta’ talba lil Alla. Esperjenza li tagħmillek kuraġġ minkejja l-qtigħ ta’ qalb li għaddejt minnu, fejn Alla dejjem kien preżenti f’ħajti, anke meta warrabtu, ħrabt jew injorajt it-twissijiet tal-għażiża ommi. Kemm nesperjenzawha din!
Fl-istess ħin naf li l-ħajja hija bidla kontinwa, dejjem hemm il-ġdid, ta’ kif naħsbu, ta’ kif inħarsu lejn l-affarijiet u dan ukoll permezz tal-esperjenzi li ngħaddu minnhom. U quddiem dan it-tibdil kollu, xbieha sabiħa u għal qalbi li għandi hija dik tal-pellegrin; dak li dejjem qed ifittex u qatt ma jaħseb li wasal, u dejjem miftuħ għall-esperjenzi ġodda, għas-sorprizi t’Alla, għall-preżenza tiegħu. U mingħajr ma trid, tiġi l-mistoqsija, imma sa fejn ser immorru? Inħeġġek b’qalbi kollha: “dejjem żid xi ħaġa. Kompli imxi, kompli mingħajr ma tieqaf; tiqafx f’nofs it-triq; tmurx lura.” (Prietka 169,15,18) Dan il-punt tal-interjorità huwa vjaġġ, u huwa wkoll meeting point. Huwa vjaġġ li jwassal għall-aktar affarijiet intimi u personali u wkoll spazju magħna nfusna, mal-oħrajn u m’Alla. Għaliex il-mistoqsijiet il-kbar, il-biżgħat qegħdin fl-interjorità. Għalhekk, “fejn inti sejjer? Dur lejn qalbek.” (Trattatt fuq l-Evanġelju skont San Ġwann, 18,10)
U kemm għandna mistoqsijiet, hux tassew? Mistoqsijiet ta’: Jien min jien? Fejn ninsab? Min jgħix fil-qalb tiegħi? X’qegħdin nagħmlu hawn? Min fejn ġejna? Fejn sejrin? Hija din it-triq it-tajba? X’inhuma l-ħtiġijiet u x-xewqat profondi ta’ ħajti? X’inhuma l-eseġerazzjonijiet u l-punti ta’ kontradizzjoni f’ħajti?… u meta nkunu qegħdin nistaqsu dawn il-mistoqsijiet inkunu qegħdin nfittxu. (cf Kummentarju fuq is-Salmi 144,13) U dan kollu permezz tal-interjorità, fejn insibu lilna nfusna. Ma hemm xejn aktar affaxxinanti għall-bniedem li jiskopri r–realtà tiegħu/tagħha. Għaliex, dak li jiddefinixi l-persuna huwa d-dinja interna, id-deċiżjonijiet, is-sentimenti. Għaliex bniedem “ma jista’ jagħmel xejn ’l barra qabel ma jaħseb fuq il-ħaġa fuq ġewwa.” (Kummentarju fuq is-Salmi 125,8)
Għalhekk ħabib, la tibżax issaqsi l-mistoqsijiet. Dawn il-mistoqsijiet mhumiex tfittxija biss għal aktar għerf, imma għall-ħajja u għall-imħabba. (cf. De Trinitate 15,2,2) U dawn huma żewġ affarijiet tant sbieħ u għal qalbi – il-ħajja bl-abbundanza u l-imħabba. Ħabib, meta nkunu qegħdin infittxu l-verità, il-ferħ, is-sbuħija u l-imħabba, inkunu qegħdin, forsi mingħajr ma nafu, infittxu lil Alla, għaliex kif tlabtu lil ħanin Alla, “int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssibx kwiet jekk ma tistriħx fik.” (Stqarrijiet 1,1,1) U ħabib, mhux qalbi biss, imma qalbna, tiegħi u tiegħek, għaliex mingħajrek, mingħajrkom ma nistax ngħix, ma nistax insalva. U għalhekk il-ħbiberija hija tant importanti għalija u għandha valur mhux biss uman, imma valur spiritwali u proġett għal qalbi. Fil-ħbiberija u fil-komunità flimkien u permezz ta’ xulxin inkomplu niskopru s-sabiħ u s-sorpriżi t’Alla fil-ħajja personali u fil-ħajja tagħna bħala komunità.
Ħbiberija u mħabba huma żewġ kelmiet viċin xulxin. U din il-kelma ‘mħabba’ tant irrepetejtha, għax tant hija tema ċentrali għalija. Sibt l-imħabba waqt il-mixja tiegħi fl-aktar kurituri intimi ta’ ħajti. Għaliex “wieħed ma għandux jinkwieta fuq ħaġa oħra fil-ħajja ħlief li jagħżel x’ser iħobb.” (Prietka 96,1,1) Għalhekk, “ħobb u għamel li trid.” (Prietka fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, VII,8) U l-iżvilupp personali huwa mkejjel bil-ħila ta’ kemm inħobbu u nkunu maħbuba. Għaliex l-imħabba hija l-aqwa għaqda li tgħaqqad lill-bnedmin u permezz tal-imħabba reċiproka hija t-triq żgura lejn Alla.
Inħeġġek: kompli fittex. Kompli skopri dak li jixtieq Alla minnek. Kompli ħobb l-imħabba, il-ħajja, il-verità, l-għerf, is-sbuħija, il-libertà, il-ferħ… Kompli dan il-vjaġġ sabiħ ta’ konverżjoni fi spirtu ta’ ħbiberija. Kompli ikber fil-komunità. Kompli kun magħqud u kontra d-diversi firdiet u qasmiet. Kompli agħti s-sehem tiegħek fil-ġustizzja, fil-paċi u fis-solidarjetà. Kompli itlob, għaliex it-talba tiegħek hija l-konverżazzjoni ma’ Alla. Kompli ħalli s-silenzju interjuri fil-ħajja tiegħek. Kompli agħraf is-sejħa tiegħek biex tikber flimkien fil-Knisja permezz tal-akkumpanjament għall-missjoni ta’ servizz tas-Saltna. Kompli poġġi lil Ġesù Kristu, il-Medjatur, il-Verità, il-Ħajja, it-Tabib, l-Imgħallem Interjuri, it-Triq, fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħek. Il-Mulej huwa Hu li jimxi quddiem u jiggwida. Tħarisx lura, ħobb lil dak li jmexxik. (cf. Kummentarju fuq is-Salmi 75,16) Ħares ’il quddiem.
Nawguralek ħafna affarijiet sbieħ. Meta trid li nerġgħu niltaqgħu u nkomplu flimkien dan il-vjaġġ b’dawn il-ħsibijiet, tiddejjaq xejn u tikkuntattjani permezz ta’ kitbieti jew permezz ta’ ħuti l-Agostinjani.
Ħabibek
Wistin ta’ Ippona
Fr. David Cortis osa
Fr. Terence Spiteri osa