Santa Rita mara li għexet tant ferħat u sfidi

Insellmilkom f’dan il-jum speċjali għalina l-Agostinjani li fih niċċelebraw il-figura ta’ oħtna Santa Rita, figura tant popolari fost ħafna ħabieb tagħna u devoti tagħha.

Wieħed mill-aspetti li jagħmel lil Santa Rita, figura daqstant popolari huwa l-fatt li kienet mara li misset ma tant realtajiet u stati differenti tal-ħajja u allura anke għexet tant ferħat u sfidi li kull wieħed iġib miegħu. Kienet xebba li fitxet is-sejħa ta’ Alla f’ħajjitha, mara miżżewġa, omm, armla u anke reliġjuża. F’dawn it-tappi ltaqgħet ma sfidi mhux żgħar u forsi għalekk f’tant ċirkostanzi tal-ħajja nduru għall-interċessjoni tagħha u nitolbuha tidħol għalina quddiem Alla. Għexet l-isfidi tal-ħajja taż-żwieġ, għexet id-diffikultajiet ta’ omm li tixtieq tara lil uliedha jagħmlu l-aħjar għażliet, għexet l-uġigħ ta’ mara li żewġha jisfa vittma ta’ qtil, għexet il-piż ta’ mara li titlef lil uliedha, għexet id-dixxerniment vokazzjonali u l-esperjenza tal-Ħajja reliġjuża Agostinjana u fl-aħħar snin ta’ ħajjitha  ġarret fi xbinha l-ġerħa li għaqqditha tant mill-qrib mal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu…

Quddiem dawn ir-realtajiet li aħna natribwixxu għall-ħajja ta’ Rita, jagħmel aktar sens, il-fatt li ħafna minna fit-toqol differenti tal-ħajja iduru għall-interċessjoni tagħha u jitolbuha twassal it-talb tagħna quddiem Alla. Rita hija bla dubju ta’ xejn il-mara li kapaċi tifhem is-saram tal-ħajja imma aktar minn hekk, hija l-mara li kapaċi tgħixu b’serenita li tiġi biss minn esperjenza ta’ fidi qawwija f’Alla. L-eżempju li tpoġġi quddiemna Rita mhux ħajja bla tbatija jew bla difikulta (kif normalment inkunu nixtiequ aħna lkoll u xi drabi nippretendu!) imma ħajja mgħixa b’serenita anke jekk imtaqqlin b’tant diffikultajiet, anke jekk bħalissa limitati f’dak li nistgħu nagħmlu, anke jekk inħossni waħdi jew imtaqqal taħt il-mard. U s-serenita tigi mill-konvinzjoni li Alla qatt ma’ jħallini waħdi. Alla huwa dak li jħobbni kontinwament.

Rita għexet l-aħħar snin tal-ħajja tagħha bħala reliġjuża Agostinjana. Kienet ix-xewqa tiegħi li din is-sena, aħna u niċċelebraw il-qdusija ta’ din oħtna, f’ċirkostanzi partikolari, aħna r-reliġjużi Agostinjani noffru dan il-jum bħala opportunità ta’ viċinanza spiritwali u napprofittaw biex nitolbu għall-qdusija ta’ xulxin u t-tiġdid tal-familja tagħna Agostinjana.  F’dan il-kuntest nixtieq insellem b’mod partikolari anke lil ħutna sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplativa u ħutna sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesu u Marija waqt li nitlob l-interċessjoni ta’ Santa Rita biex tħares il-familji reliġjużi tagħna u tberikhom b’vokazzjonijiet ġodda.

Nixtieq nieħu l-opportunita biex insellem u nitlob l-interċessjoni ta’ Santa Rita fuq dawk kollha li bħalissa qed jaħdmu b’kull mod biex jipproteġuna u jagħtuna s-servizz tagħhom f’kull qasam tal-ħajja. Niftakru wkoll f’dawk li din ir-realta ġabitilhom ħafna tbatija.

Imma fuq kollox nixtieq mill-ġdid insellem lilkom ħbieb tagħna kollha, devoti ta’ Santa Rita li s-soltu tiffrekwentaw il-knejjes tagħna biex titolbu l-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli u tiċċelebraw il-misja liturġika flimkien magħna. Din is-sena minħabba r-realta preżenti li qed ngħixu f’pajjiżna u madwar id-dinja, dan huwa anqas possibbli. Nassigurakom li qed inħossu n-nuqqas tagħkom bħalma intom tistennew il-mument li nkunu nistgħu nerġgħu niċċelebraw flimkien.

Imma sadanitant ejjew mid-distanzi tagħna u mir-realtajiet li qed ngħixu bħalissa, inħarsu lejn il-qaddisa tagħna u nagħmlu kuraġġ. Rita qatt ma qatgħet qalbha fil-ħajja anke meta l-istess xewka li ġarret fi xbinha żammitha l-bogħod saħansitra minn ħutha stess fil-monasteru. F’dawn il-mumenti iggranfat mas-salib ta’ Ġesu! Sinjal tal-Imħabba ta’ Alla għalina. Nawguralkom li f’dan il-jum u dejjem, partikolarment fid-diffikultajiet tal-ħajja, tħossu l-preżenza ta’ Alla l-missier mimli mħabba li jagħti l-ferħ u s-serenita tal-qalb lil dawk kollha li jpoġġu t-tama tagħhom fih.

Santa Rita tidħol għalina!

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali

 

 

Scroll to Top