F’attività li saret fil-5 ta’ Novembru fl-Imdina il-Knisja ppubblikat Safeguarding Policy ġdida għall-ħarsien tal-Minuri u l-persuni vulnerabbli. L-attivita kienet ppreseduta mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, u l-President tal-Konferenza għas-Superjuri Maġġuri li irrappreżenta lill-Provinċjali tad-diversi Kongregazzjonijiet Reliġjużi, li kienu preżenti wkoll.
Il‑policy il‑ġdida tistabbilixxi standards ta’ safeguarding li l‑entitajiet kollha tal‑Knisja huma mistennija jimxu magħhom. Permezz tal‑policy inħolqu strutturi li jindirizzaw l‑allegazzjonijiet li jsiru kemm fil‑konfront ta’ membri tal‑kleru kif ukoll fil‑konfront ta’ lajċi impjegati jew voluntiera. Il‑miżuri ewlenin tal‑policy jinkludu t‑twaqqif ta’ strutturi li jiżguraw investigazzjonijiet preliminari u assessjar tar‑riskju imparzjali, proċeduri mtejba ta’ reklutaġġ, u kodiċi ġdid ta’ kondotta li jiddefinixxi kif il‑persuni involuti fil‑Knisja għandhom iġibu ruħhom kemm waqt li qed jaħdmu mal‑minuri u l‑adulti vulnerabbli kif ukoll waqt li qed jikkomunikaw magħhom online.
Permezz ta’ deċiżjoni meħuda fil-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-2022 il-Provinċja Agostinjana Maltija introduċiet klawżola fl-Istatuti tagħha li biha tiddikjara Tolleranza Żero kontra kull forma ta’ abbuż. Permezz tal-istess klawsola 130, il-Patrijiet Agostinjani ddikjaraw li jimxu mal-Policy komuni tal-Konferenza Episkopali Maltija u tal-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi.
Il-Policy l-ġdida tieħu post dik oriġinali stabbilita fl-2015 meta twaqqfet is-Safeguarding Commission.