Proġett li għandu jsaħħaħ l-impenn Pastorali u Soċjali tal-Provinċja Agostinjana Maltija

Stqarrija dwar il-proġett fuq l-art tal-Provinċja Agostinjana Maltija f’San Ġiljan

Fid-dawl ta’ referenzi li qed isiru f’xi mezzi tal-media dwar art li l-Provinċja Agostinjana Maltija għandha f’San Ġiljan, tajjeb li wieħed jiċċara li:

  • L-art imsemmija tiġbor fiha kunvent, kappella u biċċa art li għal ħafna snin kienet biss art mhux użata. Fid-dawl tal-iżvilupp kbir li sar fiż-żona tal-madwar lejn it-tmiem tas-snin tmenin u disgħin, bdiet tinħass il-ħtieġa li l-art madwar il-kunvent ma tibqax art mitluqa u tiġi riġenerata.
  • Fil-fatt kien sar pjan biex din l-art tiġi żviluppata imma għal diversi raġunijiet dan il-proġett twaqqaf u għal ħafna snin l-art tħalliet mitluqa.
  • Fis-snin aktar riċenti kien hemm aktar minn żviluppatur wieħed li wera interess biex jixtri l-art u anke l-binja tal-kunvent u l-kappella stess. F’dak il-kuntest il-Provinċja reġgħet bdiet tikkonsidra l-possibilità li jitwettaq proġett li jirriġenera l-art waqt li jassikura li l-kunvent u l-kappella jkunu valutati u jibqgħu jservu l-għan pastorali tagħhom.
  • Sabiex jintlaħaq dan il-għan, ġiet ikkunsidrata l-possiblità ta’ ftehim ma’ terzi persuni u fil-fatt wara diversi diskussjonijiet u konsiderazzjonijiet sar ftehim ta’ kera (u mhux bejgħ ta’ art) għal żmien determinat ma’ Baystreet Holdings Ltd. Malli kien finaliżżat dan il-ftehim, Baystreet Holdings bdew il-proċess għall-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.
  • Dawn il-konsiderazzjonijiet jinkludu:
    • Ir-restawr minn barra tal-binja sħiħa tal-kunvent u l-kappella.
    • Iċ-ċentralità tal-kappella u l-kunvent bħala spazji pastorali f’nofs żona frekwentata aktar min-nies.
    • Aktar min-nofs l-ispazju ‘il fuq mil-livell tal-art jibqa’ spazju miftuħ (pjazza) quddiem il-kunvent bil-possibilità li terġa’ tagħmel aċċessibbli anke t-taraġ prinċipali u d-dħul għall-Knisja u l-Kunvent.
    • Il-bini ta’ parkeġġ taħt l-art li jaġevola l-użu tal-istess kappella u kunvent waqt li jtaffi l-problema ta’ parkeġġ fiż-żona.
  • Id-dħul minn din il-kirja tul is-snin għandu jkompli jgħinna biex inkomplu ninvestu fl-impenn reliġjuż, soċjali u edukattiv tagħna fis-Soċjeta Maltija. Ma’ dan tajjeb jissemma wkoll ir-restawr u ż-żamma tad-diversi binjiet storiċi tagħna li huma parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna.
  • Barra minn hekk riċentament il-Provinċja investiet fi proġett ta’ pannelli fotovoltajci fuq erba’ kunventi tagħha.
  • Inizjattivi oħra tal-Provinċja jinkludu: kulleġġ b’żewġ setturi li joffri edukazzjoni lil 825 student; binja li għal diversi snin ilha mogħtija u użata bħala Dar tat-Tfal; sapport kontinwu lil diversi Opri Missjunarji u bosta inizjattivi reliġjużi u soċjali oħra, fosthom f’Paceville stess.
  • Il-Provinċja Agostinjana Maltija laqgħet it-talba tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent biex issir taf aktar dwar il-Proġett.

 

P. Leslie Gatt O.S.A.

Provinċjal

8 ta’ Ġunju 2018

 

 

Scroll to Top