Pellegrinaġġ Agostinjan fl-Italja

Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, taħt id-direzzjoni ta’ Patri Franco Grech 0SA, din is-sena rat il-ħolma u x-xewqa tagħha li jittella’ pellegrinaġġ Agostinjan, imma mhux biss, isiru realtà bl-għajnuna t’Alla. Dan sar bis-sehem tas-Sur Marcel Zammit Marmarà bħala tour leader u s-Sa Gwen Mousù li organizzat il-pellegrinaġġ.

Bejn l-24 u l-31 ta’ Lulju 2024, 54 persuna ngħaqadna bħala familja waħda fuq dan il-pellegrinaġġ u fl-istess ħin tour. Minkejja s-sħana u l-mixi, kulħadd ħa gost, anke dawk li kienu akbar fl-età, imxew u wrew kuraġġ u perseveranza!

Tlaqna l-Erbgħa 24 ta’ Lulju għal Milan, fejn qbadna l-kowċ għal Treviso, magħruf ukoll bħala Venezja ż-Żgħira minħabba l-kanali tal-ilma li hemm.

L-għada, il-Ħamis 25 ta’ Lulju, qbadna t-tren għal Venezja. Fr Franco ċċelebra quddiesa fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Nazaret, magħrufa bħala Chiesa Degli Scalzi. Ma setax jonqos li nżuru pjazza San Marco u l-Palazzo Ducale, il-Ponte dei Sospiri, la Torre dell’Orologio, il Ponte Rialto u oħrajn.       

Imxejna fit-toroq dojoq ta’ madwar il-kanali u bla dubju ma naqsitx dawra bil-famuża gondola Venezjana għal dawk li xtaqu. Lura għat-tren morna bil-lanċa – it-trasport pubbliku f’Venezja!

Il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju, tlaqna għal Padova, il-belt famuża ta’ “il Santo”! Hekk hu magħruf mal-Italja kollha l-qaddis Sant’Antnin, li proprju kien minn Lisbona, il-Portugal. Xħin wasalna Padova bqajna sejrin naraw il-Kappella Degli Scrovegni, magħrufa għall-affreski ta’ Giotto, famużi mad-dinja kollha li saru bejn 1303 u l-1305. Meravilja ta’ pitturi mal-ħitan kollha li juru l-istorja tas-salvazzjoni.       

Fil-ħin liberu li kellna għall-ikel f’nofsinhar aħna dħalna fil-Katedral sabiħ ta’ Santa Marija Assunta u żorna wkoll pont fuq ix-xmara msemmi għal Santu Wistin! Wara lkoll żorna l-Bażilika ta’ Sant’Antnin – il-qofol tal-ġurnata – fejn morna fuq il-qabar tiegħu u ħdejn ir-relikwiji magħrufin tiegħu, fosthom l-ilsien inkorrot u x-xedaq. Fr Franco ċċelebra l-quddiesa f’kappella fil-ġenb tal-bażilika.     

Wara morna fi ġnien sabiħ, Prato della Valle, b’ħafna statwi u funtani. Ma naqasx li ntemmu l-jum b’ikla tipika Padovana, f’restorant agriturismo!

Is-Sibt 27 ta’ Lulju, wara l-quddiesa li Fr Franco qaddes fil-kripta tal-Katidral ta’ San Pietru fi Treviso, rajna l-battisteru ħdejn il-Katidral, fil-knisja ta’ San Ġwann Battista u żorna Piazza dei Signori fejn hemm it-Torre Civica. Ħallejna Treviso għal Milan.   

Fi triqitna waqafna Verona fejn rajna l-Arena di Verona, id-dar ta’ Giulietta u Piazza delle Erbe fost postijiet sbieħ oħra. Verona belt sabiħa u hemm ħafna x’tara! Komplejna t-triq għal Milan fejn wasalna flgħaxija fil-lukanda maġenb l-istazzjon tal-ferrovija.

Il-Ħadd 28 ta’ Lulju, qbadna t-triq għal Sotto il Monte, minn fejn kien Angelo Roncalli, il-qaddis Papa San Ġwanni XXIII. Waqafna l-Casa del Pellegrino fejn rajna dokumentarju qasir fuq il-ħajja tiegħu u wara żorna l-Ġnien tal-Paċi u s-Santwarju San Giovanni XXIII.     

Morna fid-dar, illum museum marbut mal-Papa Buono, li kien jgħix fiha meta jżur Sotto il-Monte qabel sar Papa. Wara ikla tajba mħejjija għalina mill-volontiera tas-Santwarju fil-Casa del Pellegrino, kellna l-quddiesa fil-knisja ċkejkna ta’ Santa Maria in Brusicco li fiha kien mgħammed Angelo Roncalli fl-1881. Il-battisteru għadu hemm u hemm ukoll l-irħama li kienet fuq il-qabar tiegħu fil-kripta tal-papiet fil-Vatikan qabel ġie kanonizzat. Imbagħad għamilna vista lid-dar fejn twieled u għex fi tfulitu l-Papa San Ġwanni XXIII.

Aktar tard għaddejna Bergamo fejn tlajna Città Alta bil-funikular u żorna Piazza Vecchia, Cappella Colleoni, il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u l-Battisteru – knejjes meraviljużi mimlija xogħlijiet tal-arti.

It-Tnejn 29 ta’ Lulju, bdejna l-ġurnata bil-quddiesa ċċelebrata minn Fr Franco fis-Santwarju ta’ San Kamillu de Lellis, fejn fakkarna t-23 anniversarju taż-żwieġ tagħna. Wara għamilna vista mistħoqqa lil San Ambroġ fil-Bażilika tiegħu f’Milan.

Hemm tajna qima lir-relikwiji ta’ dan l-isqof kbir ta’ Milan li kien providenzjali fil-konverżjoni ta’ missierna Santu Wistin. Fil-fatt San Ambroġ kien li għammed lil Santu Wistin u t-tifel tiegħu Adeodato fil-Vġili tal-Għid il-Kbir tas-sena 387.  Wara bqajna sejrin Como fejn żorna l-Katidral sabiħ u ammirajna numru ta’ tapezzeriji kbar imdendlin fil-korsija fost ħwejjeġ oħra tal-arti.    

Wara ħin għall-ikel ħdejn Lago di Como, irkibna l-lanċa li dawritna dawra ta’ siegħa fuq l-għadira, fejn stajna ngawdu veduti sbieħ tal-muntanji ta’ madwar. Xi ġelat tajjeb ma naqasx qabel tlaqna lura lejn Milan!

Il-qofol tal-pellegrinaġġ bħala lajċi Agostinjani ntlaħaq it-Tlieta 30 ta’ Lulju, biż-żjara tagħna f’Pavia meta morna l-Bażilika ta’ San Pietro in Ciel d’Oro fejn hemm meqjuma il-fdalijiet ta’ Santu Wistin. Dawn huma miżmumin b’qima kbira f’relikwarju ġo kaxxa f’monument kbir tal-irħam. Billi kienu qed isiru xi xogħlijiet fejn tinżamm il-kaxxa bil-fdalijiet ta’ Santu Wistin, il-ħġieġa kienet maqlugħa u xi wħud kellhom ix-xorti li jmissu l-kaxxa direttament, għalkemm malajr kienet magħluqa mill-ġdid bil-ħġieġa!

Ma setax jonqos li aħna wkoll nagħtu qima lil missierna Santu Wistin u Fr Franco, iben spiritwali ta’ Santu Wistin, iċċelebra l-quddiesa hemmhekk. Żgur li kienu mumenti kommoventi għal dawk kollha li konna hemm dakinhar u kif kien xieraq, ħadna ritratt tal-grupp kollu flimkien quddiem il-qabar ta’ Santu Wistin! Xbieha sabiħa tal-monument fejn jinsabu l-fdalijiet tiegħu, ingħatat lil kulħadd bħala tifkira mis-Sa Gwen Mousù.

Wara kellna wkoll ħin liberu fejn stajna nduru aktar f’Pavia. Aħna għaddejna fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija tal-Karmnu – knisja kbira u sabiħa ħafna tal-Karmelitani. Wara tajna titwila lil Ponte Coperto li hemm fuq ix-xmara Ticino.

Temmejna l-jum bi żjara fil-monasteru taċ-Ċisterċensi f’Certosa di Pavia – post kbir u sabiħ fejn barra s-santwarju meraviljuż, insibu wkoll il-monasteru, li barra l-parti komunitarja madwar il-kjostru ż-żgħir hemm ukoll 24 abitazzjoni individwali madwar kjostru kbir fejn kienu jgħixu ċ-Ċisterċensi b’mod solitarju.

Kif wasalna lura Milan, xi wħud xtaqu jaraw il-knisja ddedikata lil Santu Wistin li tinsab ftit bogħod mil-lukanda u ħtafna l-opportunità biex naqbżu qabża s’hemm għalkemm kien sar il-ħin. Fil-fatt sibna li kienet għadha kif għalqet, imma l-providenza riedet li s-sagristan ġie lura u fetħilna u b’hekk stajna ngawdu ftit ħin f’din il-knisja sabiħa ddedikata lil Santu Wistin, li hi f’idejn is-Salesjani.          

L-Erbgħa, 31 ta’ Lulju, kienet l-aħħar ġurnata f’Milan, iżda mhux l-inqas, għax Milan hu assoċjat ħafna ma’ Santu Wistin, fejn hemm huwa skopra r-rieda t’Alla għalih u mexa t-triq għall-konverżjoni tiegħu. Filgħodu morna d-Duomo ta’ Milan – katidral kbir u magħruf mad-dinja kollha. Ma naqsitx żjara interessanti fl-Area Archeologica, fejn stajna naraw il-fdalijiet ta’ battisteru antik li aktarx kien il-post fejn Santu Wistin kien mgħammed minn San Ambroġ. Għalhekk dan il-post hu ta’ importanza għalina l-lajċi Agostinjani.

Wara kellna ftit ħin induru l-madwar tal-pjazza qabel tlaqna lejn l-ajruport għar-ritorn lejn Malta.

B’hekk il-pellegrinaġġ tagħna ġie fi tmiemu għax bħal ma jgħidu, kull ħaġa tajba tiġi fi tmiemha! Imma żgur li din l-esperjenza ser tibqa’ magħna tul ħajjitna kollha. Il-parteċipanti kollha qsamna flimkien mumenti ta’ talb, ferħ u ħbiberija li ċertament ma ninsewx. Nirringrazzjaw ’l Alla u lil kull min ta sehmu biex dan il-pellegrinġġ jirnexxi.

 

Isabelle u Godfrey Scicluna

Membri tal-Fraternità Agostinjana Sekulari

(Min jixtieq aktar tagħrif dwar il-Fraternità jista’ jagħmel kuntatt ma’ Fr Franco Grech fuq Mob. 99244640 jew admin@agostinjani.org )

Scroll to Top