P. Salvino Caruana – 50 sena ta’ Ministeru Saċerdotali

Nhar il-Ħadd 29 ta’ Ġunju, P. Salvino Caruana iċċelebra il-ħamsin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. P. Salvino kien ordnat saċerdot fis-sena tal-Ġublew 1975 fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-belt tal-Vatikan, mill-Qdusija tiegħu il-Papa San Pawlu VI. Fost diversi saċerdoti oħra li ġew ordnati dakinhar, kien hemm miegħu anke il-mibki P. Manuel Borg Bonello.

P. Salvino twieled Ħaż-Żabbar fit-28 ta’ Diċembru 1949. Sa minn età żgħira huwa beda l-formazzjoni tiegħu fil-familja Agostinjana u fl-1967 beda n-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex.  Sena wara, fis-16 ta’ Ottubru 1968, għamel l-ewwel professjoni tal-Voti Reliġjużi. Wara mixja ta’ formazzjoni, fl-10 ta’ Frar 1973 huwa għamel il-Professjoni Solenni fl-Ordni ta’ Santu Wistin u imbagħad irċieva l-Ordinazzjoni tad-Djakonat.  

Tul is-snin tal-ministeru tiegħu P. Salvino serva f’diversi kunventi u ħadem anke fil-Kulleġġ Santu Wistin fejn għallem u ħadem anke bħala Rettur. Imma l-aktar ħidma li kkareatterizzat il-ministeru tiegħu hija l-impenn fil-kamp akkademiku u partikolarment fl-istudji patristiċi. Għal diversi snin huwa impenja ruħu fir-riċerka, fil-kitba u fit-tagħlim fl-Universita ta’ Malta, fl-istitut Agostinjan u anke f’entitajiet oħra.

Filfatt huwa serva u għadu jservi bħala direttur tal-Istitut Agostinjan fi ħdan il-Provinċja Agostinjana Maltija. Tul dawn is-snin huwa ppubblika numru kbir ta’ kotba u ttraduċa diversi testi ta’ Santu Wistin għall-lingwa Maltija.

Minn qalbna nawgurawlu ħafna aktar saħħa u ħidma fl-għalqa tal-Mulej.

Ad Multos Annos

Scroll to Top