Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar, ħabat il-75 anniversarju mill-ewwel Professjoni Reliġjuża ta’ P. Mark Cauchi fl-Ordni ta’ Santu Wistin. P. Mark, li llum għandu 93 sena, huwa membru tal-Komunità Agostinjana tal-Belt Valletta.
P. Mark twieled Bormla fil-5 ta’ Lulju 1928 u wara l-edukazzjoni primarja f’Bormla stess kompla bl-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara. Fl-20 ta’ Jannar 1946 huwa ingħaqad mal-familja Agostinjana permezz tan-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin ir-Rabat Għawdex. Sena wara imbagħad, propju fis-26 ta’ Jannar 1947 (75 sena ilu) għamel il-Professjoni Sempliċi tal-Kunsilli Evanġeliċi fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Wara kompla l-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ San Mark fir-Rabat Malta u fil-5 ta’ Frar 1950 għamel il-Professjoni Solenni. Huwa kien ordnat Saċerdot nhar l-20 ta’ Diċembru 1952 fil-Kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. P. Mark studja anke l-lingwa Franċiża fl-Università ta’ Grenoble fi Franza.
Bħala reliġjuż u saċerdot huwa serva f’diversi komunitajiet f’Malta u kien anke għalliem tal-Latin u l-Lingwa Franċiża fil-Kulleġġ Santu Wistin u kappillan tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Barra minn Malta ħadem fil-missjoni Agostinjana fl-Afrika ta’ fuq u fi Sqallija. Għal diversi snin huwa kien imur iservi wkoll pastoralment fil-Monasteru ta’ Poschiavo fl-Isvizzera. Tul is-snin huwa kellu dejjem mħabba kbira għall-istorja, r-riċerka u l-kitba tant li kiteb diversi artikli u ppubblika anke kotba normalment ta’ natura storika.
Minn qalbna nawguraw lil P. Mark ħafna aktar saħħa u barka. Ad Multos Annos!