P. Ġulju Bonniċi O.S.A. – 75 sena Saċerdot

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-lum 25 ta’ Marzu 2025 filgħodu, il-Komunita’ tad-Dar tal-Kleru flimkien mal-Komunità Agostinjana raddew ħajr lil Alla f’għeluq il-75 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Patri Ġulju Bonniċi. Patri Ġulju twieled il-Belt Valletta kważi mitt sena ilu u beda n-novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fit-23 ta’ Novembru 1941. Sena wara imbagħad agħmel il-Professjoni Sempliċi tal-Voti tal-Faqar, il-Kastita u l-Ubbidjenza. Dakinhar beda jgħix il-konsagrazzjoni reliġjuża u hekk għamel għal dawn l-aħħar 83 sena.

Patri Ġulju kien ordnat Saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann nhar il-25 ta’ Marzu 1950 flimkien mal-kumpann tiegħu fil-formazzjoni il-mibki Patri Prospero Grech li aktar tard ġie kreat Kardinal. Tul is-snin huwa għex il-ministeru saċerdotali tiegħu f’diversi realtajiet, fosthom f’Ħal Tarxien, f’San Ġiljan, fil-Kulleġġ Santu Wistin, fl-Istati Uniti, u għal bosta snin fil-Belt Valletta. P. Ġulju, li huwa l-aktar saċerdot anzjan f’Malta, illum jinsab rikoverat fid-Dar Christus Sacerdos f’Birkirkara.

Minn qalbna nawgurawlu l-isbaħ xewqat ta’ saħħa u paċi tal-qalb.

Scroll to Top