Fiċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali għall-Morda u l-Anzjani fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta, il-Provinċjal P. Leslie Gatt OSA, inkoraġixxa lill-morda biex iħaddnu lil Ġesù kif għamlu tant qaddisin fit-toqol tal-ħajja. Il-Provinċjal ħeġġeġ biex waqt li jsibu l-kuraġġ fl-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli Santa Rita, joffru t-tbatija u t-toqol tal-mard tagħhom għal aktar vokazzjonijiet – u vokazzjonijiet qaddisa – fil-Knisja u fil-Familja Agostinjana fejn Santa Rita għexet il-konsagrazzjoni reliġjuża tagħha.
Għall-quddiesa li fiha ġie amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda, kienu preżenti numru kbir ta’ morda, ħafna minnhom minn residenzi tal-anzjani differenti. Iċ-ċelebrazzjoni għall-morda u l-anzjani fil-jiem tal-festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta, hija tradizzjoni li ilha ssir snin twal u ħafna jiftakru anke t-trasmissjoni tagħha fuq ir-redifjuxin.
Prattikament dan kien il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’ġieh Santa Rita fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta. Il-festa tal-qaddisa kienet iċċelebrata is-Sibt li għadda (17 ta’ Mejju) fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat u fil-weekends li ġejjin tkompli issir fil-knejjes l-oħra. Sadanittant fil-Jum tal-Festa Liturġika, li jaħbat nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju, il-festa tiġi ċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, li sservi bħala ċentru nazzjonali ta’ devozzjoni lejn il-qaddisa, u fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex. Fiż-żewġ knejjes ikun hemm programm ta’ ċelebrazzjonijiet tal-quddies matul il-Jum u pellegrinaġġ fit-toroq bl-istatwa tal-qaddisa.