L-immigrazzjoni kienet hemm, qiegħdha hawn u tibqa’ magħna. Wara ż-żieda fl-isfidi li toffri din l-kriżi u wkoll wara l-appell li għamel il-Papa Franġisku fis-6 ta’ Settembru 2015 biex nilqgħu familja ta’ refuġjati, beda proċess intern ta’ dixxerniment fil-Provinċja Agostinjana Maltija. Wara diversi diskussjonijiet ukoll fil-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja Agostinjana Maltija, ittieħdet id-deċiżjoni li l-uniku spazju available fil-Kunvent San Mark fir-Rabat ikun offrut lill-familja refuġjata. Dan l-istess spazju kien jintuża biex jintrefgħu t-tiżjin tal-festa. Dan l-ispazju kien trasformat u mħejji biex jilqa’ familja refuġjata. Dan il-proġett qed isir bil-kollaborazzjoni tal-JRS Malta.
Il-koppja refuġjati, mill-Eretreja, li huma Kopti, daħlu fil-11 ta’ Ottubru 2016. Fil-lejl ta’ qabel bħala agostinjani konna qegħdin niċċelebraw l-festa ta’ San Tumas minn Villanova, l-qaddis tal-foqra meta wkoll berikna d-dar. Fl-istess ħin, l-mara kienet qiegħdha twelled lill-ewwel tifel tagħha. Għażilna li nilqgħuhom fil-kumpless agostinjan fir-Rabat, u mhux ngħinunhom l-bogħod minnha, għaliex fih innifsu huwa statement ta’ merħba li jħalli marka fil-qalb tagħna u fl-attitudnijiet. Dan il-proġett huwa mod ieħor kif niddjalogaw u nilqgħuhom, nisimgħu l-biżat tagħhom, it-tamiet, id-diffikultajiet u l-ferħ tagħhom. Ċertament dan kollu mhux ser isolvi l-isfida kollha imma huwa att ta’ ħniena u kompassjoni, kemm fis-sena tal-Ħniena wkoll fiċ-ċelebrazzjonijiet Bi-Ċentinarji tal-Provinċja Agostinjana Maltija.