Fr. Joseph Lawrence Farrell, OSA twieled fil-11 ta’ Lulju 1963 f’Drexel Hill, Pennsylvania, l-Istati Uniti. Huwa jagħmel parti mill-Provinċja Agostinjana ta’ San Tumas ta’ Villanova. Fl-1985 iggradwa mill-Università ta’ Villanova bi grad ta’ Bachelor of Arts (BA) u fl-1991 kiseb grad ta’ Master of Arts (MA) fit-Teoloġija mill-Washington Theological Union. Huwa għamel l-ewwel wegħdiet tiegħu bħala reliġjuż Agostinjan fl-1987 u l-Professjoni Solenni fl-1990.
Fid-29 ta’ Ġunju 1991 ġie ordnat saċerdot fil-Knisja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Bryn Mawr, Pennsylvania. L-ewwel ħidma tiegħu kienet fil-parroċċa ta’ Santu Wistin f’Lawrence, Massachusetts. Wara serva bħala chaplain fl-Iskola Sekondarja Monsignor Bonner f’Drexel Hill, Pennsylvania (1994-1996), u fil-Kulleġġ ta’ Merrimack f’North Andover, Massachusetts (1996-2003).
Fl-2003 ġie mibgħut fil-Kulleġġ ta’ Santa Monica f’Ruma bħala student fl-Università Gregorjana fejn kiseb Liċenzja fit-Teoloġija Mqaddsa (STL) fl-2005 u Dottorat fl-2007, bi speċjalizazzjoni fuq l-Ispiritwalità Agostinjana. It-teżi tad-dottorat filfatt iġġib it-titlu: An Augustinian Spirituality of Accountability in the Sermons of Saint Augustine.
Bejn l-2007 u l-2013 kien assenjat fl-Università ta’ Villanova fl-Uffiċċju għall-Missjoni u l-Pastorali, fejn għallem diversi korsijiet (Wistin: Ħajja u Ħsieb; Antropoloġija Nisranija; Antikita Kristjana; u Santu Wistin u l-Kultura). F’dak il-perjodu serva wkoll bħala Direttur tal-Pre-Novizzi fil-Programm tal-Formazzjoni Inizjali tal-Provinċja ta’ San Tumas ta’ Villanova.
Wara l-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2013, beda jservi lill-Ordni ta’ Santu Wistin bħala Vigarju Ġenerali u assista lill-Pirjol Ġenerali fiż-żjajjar Kanoniċi ta’ tiġdid tal-patrijiet, fil-kapitli provinċjali, u fl-amministrazzjoni. Fl-2019 kiseb ukoll grad ta’ Master of Science (MSc) fil-Ġestjoni Ekkleżjastika mill-Università ta’ Villanova. Fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju 2019 reġa ġie elett bħala Vigarju Ġenerali.
Matul is-servizz tiegħu bħala Vigarju Ġenerali, huwa ħadem: fil-Kunsill Ġenerali; fil-Kummissjonijiet Internazzjonali għaċ-Ċentri Agostinjani tal-Edukazzjoni, il-Formazzjoni Inizjali u l-Promozzjoni vokazzjonali Agostinjana; l-Istitut għall-Ispiritwalità Agostinjana; il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Appostolat u l-Evangelizzazzjoni; is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali; kif ukoll bħala responsabbli tal-membri tad-Djar Ġenerali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kurja Agostinjana.