Bejn it-2 u l-5 ta’ Marzu, il-Provinċjal, P. Leslie Gatt ħa sehem f’laqgħa tas-Superjuri taċ-Ċirkoskrizjonijiet Agostinjani ta’ lingwa Ingliża li nżammet fil-campus tal-Universita Santu Wistin, f’Iloilo l-Filippini. Għal-laqgħa, flimkien mal-Pirjol Ġenerali u l-assistenti ġenerali responsabbli mill-Afrika u l-Oceanija, ħadu sehem ukoll il-provinċjali u s-superjuri tal-Amerika, l-Irlanda, l-Ingilterra, Malta, l-Awstarlja, l-Filippini, l-Indonezja, l-Indja, il-Kenya u t-Tanzanja.
Il-Laqgħa serviet l-ewwel u qabel kollox biex wieħed jaqsam flimkien ir-realta agostinjana rispettiva fil-pajjiż partikolari, waqt li jfittex oqsma li fihom wieħed jista jikkollabora aktar flimkien. Filfatt l-ewwel jum tal-laqgħat kien iddedikat biex kulħadd seta jippreżenta r-realtà u l-isfidi taċ-ċirkoskrizjoni partikolari tiegħu, waqt li jwieġeb għal mistoqsijiet imressqa mis-superjuri l-oħra. Imbagħad komplew b’diskussjoni fuq diversi oqsma fosthom: il-formazzjoni inizzjali; il-policies ta’ safeguarding ta’ minuri u persuni vulnerabbli; ir-reazzjonijiet tagħna quddiem realtajiet politiċi partikolari u l-kurrent ta’ politiċi populisti f’diversi pajjiżi tad-dinja; is-sostenn ta’ proġetti f’pajjiżi nieqsa mir-riżorsi partikolarment finanzjarji; l-attenzjoni lejn l-anzjani tagħna; il-preżenza tas-superjuri fil-komunitajiet.
Barra mis-suġġetti li ġew diskussi, l-laqgħa kienet opportunità sabiħa biex wieħed jaqsam mumenti sbieħ ta’ komunjoni flimkien. Il-merħba li taw l-aħwa filippini u l-Universita Agostinjana ta’ Iloilo kienu bla dubju ta’ xejn turija mill-isbaħ ta’ din il-komunjoni Agostinjana.