Qaddisin Agostinjani: Għalliema u xhieda ta’ L-ispiritwalita’ tagħna
Nhar it-Tnejn, 14 ta’ Ottubru 2019, f’Ħal Tarxien saret laqgħa għal-Lajċi midħla tagħna l-Agostinjani f’Malta u Għawdex. Kienu madwar 90 persuna li attendew minn diversi komunitajiet agostinjani. Kienu preżenti wkoll il-Provinċjal, Fr. Leslie Gatt OSA, il-Pirjol tal-komunita ta’ Ħal Tarxien, Fr. Alan Scerri OSA, u patrijiet oħrajn. Fis-6.00 p.m. saret il-Quddiesa fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, u wara l-lajċi nġabru fis-sala tal-Oratorju Agostinjan. Hawnhekk saret introduzzjoni u mument ta’ talb minn Fr. Franco Grech osa, Assistent Reliġjuż fil-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani. Wara saret taħdita dwar it-tema magħżula: Qaddisin Agostinjani: Għalliema u xhieda tal-Ispiritwalita’ tagħna, minn Fr. Josef Sciberras OSA, Postulatur Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. Huwa spjega b’mod ċar u bl-għajnuna ta’ powerpoint kif twaqqaf l-Ordni Agostinjan fis-seklu 13, u u kif matul iż-żmien li ilu mwaqqaf l-Ordni spikkaw il-ħajjiet ta’ qaddisin reliġjużi u lajċi agostinjani. Wara it-taħdita, is-Sur Victor Spiteri, membru tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, għamel xi ringrazzjamenti, u avża li l-laqgħa tal-Lajċi Agostinjani li jmiss ser issir nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Novembru 2019, fis-6.00 p.m., għand is-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-Belt Valletta, fejn hemmhekk ser ikollna l-quddiesa tal-festa tal-Qaddisin kollha Agostinjani. Il-laqgħa spiċċat b’mument soċjali fejn ħadna xi ħaġa tal-ikel u x-xorb flimkien…mument sabieħ fejn il-lajċi midħla ta’ diversi komunitajiet jiltaqgħu u jsiru jafu iktar lil xulxin.