Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Lulju 2021 saret l-10 laqgħa tal-membri prospettivi li ser jiffurmaw Fraternita’ Agostinjana Sekulari ġdida fil-Provinċja Agostinjana. Il-laqgħat ta’ qabel kienu qed isiru online. Kienet l-ewwel darba li dawn il-membri prospettivi tal-Fraternita’ setgħu jiltaqgħu fiżikament. Għal din il-laqgħa kienu mistednin ukoll il-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani li ħadu l-inizjattiva biex jibda l-proċess biex titwaqqaf din il-Fraternità.
Il-laqgħa saret f’The Word Meditation Garden tal-Millennium Chapel. Kienu preżenti għal-laqgħa l-PIrjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u Patri Luċjan Borg, ex Pirjol Provinċjali u llum missjunarju f’Kuba. Il-laqgħa bdiet bit-talba tal-Għasar fejn mhux biss tlabna bis-salmi, imma wkoll saru diversi riflessjonijiet mill-kitbiet ta’ Santu Wistin. Dawk preżenti talbu wkoll b’mod spontanju.
Wara l-laqgħa ta’ talb, dawk preżenti ħadu xi ħaġa ta’ l-ikel flimkien fejn setgħu jkomplu jsiru jafu aħjar lil xulxin.
Nirringrazzjaw ‘l Alla ta’ din il-laqgħa sabiħa flimkien.
P. Franco Grech OSA