Wara ċ-Ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li sar f’Marzu u April li għadda, il-Pirjol Provinċjali kompla bid-diskussjonijiet mal-Kunsill Provinċjali u ma’ diversi aħwa b’mod individwali. Il-ħidma u d-diskussjonijiet li jkunu qed isiru f’dan il-perjodu jitilqu minn dak li jkun ġie diskuss fil-Kapitlu Provinċjali u jagħmlu evalwazzjoni dwar xi tibdil li jkun meħtieġ li jsir fir-responsabiltajiet tal-aħwa u fil-komunitajiet partikolari. Kien propju b’dan il-għan li l-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju, l-aħwa Agostinjani nġabru għal laqgħa li saret fl-Oratorju Dun Ġwann Mamo f’Ħal-Tarxien.
Il-laqgħa bdiet bit-talba ta’ filgħaxija, u wara l-Provinċjal qasam mal-aħwa xi ħsibijiet tiegħu dwar il-ħidma li saret f’dawn il-ġimgħat u xi tibdil li qed jiġi propost. Imbagħad inqrat il-lista tal-Formazzjoni tal-Komunitajiet, id-delegati Provinċjali, responsabiltajiet u membri ta’ entitajiet oħra tal-Provinċja. Fil-ġimgħat li ġejjin ikomplu jiġu ffurmati u approvati l-entitajiet li jinkludu diversi lajċi.
Hekk qed tiġi konkluża fażi oħra ta’ wara l-Kapitlu Provinċjali. Dan is-sit jawgura ħidma fejjieda lill-aħwa kollha Agostinjani fir-responsabiltajiet rispettivi tagħhom. Fuq kollox tkun ħaġa sabiħa li nżommu l-komunitajiet kollha fit-talb tagħna, waqt li nitolbu għal aktar Vokazzjonijiet fil-familja Agostinjana.