L-isbaħ kuntatt…

L-isbaħ kuntatti fil-ħajja jseħħu meta l-għajnejn jiltaqgħu, meta l-qlub jinfetħu, meta l-esperjenzi ngħixuhom flimkien.

L-isbaħ kuntatti fil-ħajja jseħħu meta jkun hemm intimità, ġenwinità, trasparenza u wens reali.

L-isbaħ kuntatti fil-ħajja jseħħu meta l-ġewwieni tagħna jintmiss minn barkiet u meta l-immaġinazzjoni fina tibqa’ timraħ.

 

Kull darba li niltaqgħu flimkien, nieklu flimkien, naħdmu flimkien, nimxu flimkien; kull darba li nħossu l-polz ta’ xulxin u nidħlu fiż-żarbun ta’ xulxin…nindunaw li dawn huma l-veri esperjenzi tal-ħajja.

L-ebda realtà virtwali, l-ebda kliem u l-ebda xbieha qatt ma jistgħu jkunu sostitut għal dak li hu vera, naturali u personali; għalkemm hu veru wkoll li jistgħu jgħinuna nagħmlu kuntatti, nibnu ħbiberiji ġodda u nħallu l-ispirtu tagħna jidħol fi vjaġġ.

 

Fil-prezentazzjoni ta’ din il-website ġdida tal-Provinċja Agostinjana Maltija tagħna, aħna nixtiequ nagħmlu dan, iġifieri nibnu kuntatti ħajjin.

Ħafna, is-soltu jidħlu f’websites u mezzi oħra biex jkunu jafu tagħrif, informazzjoni, dettalji.

Imma għalina, it-tagħrif kollu li wieħed jista’ jsib f’din il-website, nixtiequh jkun prinċipalment għodda biex il-qlub jiltaqgħu.

F’kull dettal li jvarja minn storja, bini, dettalji ta’ kull tip, formazzjoni, informazzjoni u ħidmiet varji hemm dejjem traċċi ta’ dak li hu aħna, ta’ dak li hemm fina, ta’ passjoni, ħeġġa u ħajja li nixtiequ naqsmuhom ma’ oħrajn.

 

Din hi fuq kollox l-bazi tal-ispiritwalità tagħna, li tibda minn Alla nnifsu li hu stess sar bniedem bħalna biex jidħol f’relazzjoni magħna lkoll; tkompli bl-esperjenza ta’ Santu Wistin: il-bniedem tal-ħajja u tas-sbuħija, u tkompli fina lkoll l-patrijiet agostinjani, li mhux biss inqisuna benneja ta’ komunitajiet, imma fuq kollox nies li nafu u nixtiequ nkomplu iktar nibnu ħbiberiji u relazzjonijiet sbieħ. U biex naqsmu l-isbaħ teżor li nġorru fina: lil Alla u ‘l ħajja nfisha.

 

Fr Ray Francalanza OSA
Provinċjal

 

Scroll to Top