Bejn l-10 u l-15 ta’ Lulju 2024 ittella f’Ruma Kungress Internazzjonali għall-lajċi Agostinjani li fih qed jiltaqgħu rapprezentanti tal-lajċi Agostinjani miċ-Ċirkoskrizzjonijiet differenti tal-Ordni ta’ Santu Wistin minn madwar id-dinja. Malta qed tkun rappreżentata mid-delegat Provinċjali għall-lajċi, P. Franco Grech O.S.A., flimkien ma tliet membri tal-Kummissjoni Provinċjali għal-lajċi li huma wkoll attivi f’oqsma oħra tal-Provinċja Agostinjana f’Malta. Is-Sur Godfrey Scicluna huwa l-Koordinatur tal-Fraternita Agostinjana Sekulari flimkien ma martu Isabel li hija wkoll membru tal-Istess Fraternita. Is-Sur Glenn Mifsud jaħdem bħala assistent Kap fil-Kulleġġ Santu Wistin.
Il-Kungress li qed jinżamm fl-Istitut Patristiku Augustinianum f’Ruma għandu l-iskop li jġib flimkien rappreżentanti minn pajjiżi differenti madwar id-dinja biex jaqsmu flimkien inizjattivi u esperjenzi ta’ lajċi li huma parti mill-familja wiesgħa tal-Ordni ta’ Santu Wistin. L-iskop ta’ dawn il-laqgħat huwa anke li jsaħħaħ il-preżenza tal-lajċi u jagħtihom formazzjoni dwar il-kariżma Agostinjana u l-irwol tagħhom fl-istess familja Agostinjana u fil-Knisja.