Bejn it-18 u t-22 ta’ Novembru inżamm f’Ruma Kungress Internazzjonali dwar ir-regola ta’ Santu Wistin bit-titlu, “Sub Regula Augustini: Il-Laqgħa mal-Kultura fl-Orizzont tal-Belt ta’ Alla ta’ Santu Wistin”. Il-Kungress li nżamm fil-Pontificium Institutum Augustinianum fetaħ b’indirizz ta’ merħba mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, P. Alejandro Moral Anton OSA , li enfasizza l-importanza tar-Regola ta’ Santu Wistin fil-ħajja u l-istorja tal-Ordni Agostinjan.
Il-kungress kompla b’kelliema varji li taw preżentazzjonijiet interessanti mifruxa fuq erbat ijiem intensi. Ir-raba’ jum kien jinkludi wkoll preżentazzjoni minn P Josef Sciberras OSA. P. Josef, li bħalissa qjservi bħala Postulatur Ġenerali tal-Ordni f’Ruma, huwa wkoll membru tal-Istitut Storiku Agostinjan. Il-Parteċipanti ħadu sehem ukoll fl-Udjenza Ġenerali mal-Papa Franġsiku fi Pjazza San Pietru.
P. Joseph Zammit OSA mill-komunita’ ta’ Ħal Tarxien u P. Frans Calleja OSA mill-komunità ta’ Għawdex ipparteċipaw fil-Kungress f’isem il-Provinċja Maltija.