“In Te Domine Speravi” huwa t-titlu tal-ktieb li ppubblika l-Ordni ta’ Santu Wistin bħala tifkira tal-mibki Agostinjan Malti l-E. T. Mons. Prospero Grech li mar jiltaqa’ mal-Mulej nhar it-30 ta’ Diċembru 2019 fl-età sabiħa ta’ 94 sena. It-titlu tal-ktieb huwa filfatt meħud mill-motto li l-istess kardinal għażel meta ftit qabel il-kreazzjoni tiegħu bħala Kardinal ġie ordnat isqof fil-Kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.
Fl-aħħar snin tal-ħajja tal-Kardinal Prospero Grech, diversi kienu t-tentattivi biex b’kollaborazzjoni miegħu stess tinkiteb il-bijografija tiegħu. Sadanittant, il-kittieb Taljan, is-Sur Ivan Marsura kien irrekordja xi intervisti miegħu bil-ħsieb li jservu ta’ tifkiriet u l-possibilità ta’ materjal għall-eventwali bijografija. Sfortunatament il-mewt għal għarrieda tal-Kardinal waqqfet dan ix-xogħol ħesrem. Madanakollu is-Sur Ivan Marsura kompla jaħdem fuq it-testi tal-intervisti li kien laħaq għamel u l-ġabra ta’ materjal ieħor, partikolarment materjal fotografiku, li ġie fdat lilu mill-Komunita Agostinjana ta’ Santa Monika u l-Kurja Ġenerali Agostinjana f’Ruma.
Dan kollu inġabar f’pubblikazzjoni mill-isbaħ ta’ 230 paġna li ġiet ippubblikata mid-dar editriċi antiga edizioni b’kollaborazzjoni mal-Ordni Agostinjan. Il-Pubblikazzjoni tiġbor fiha mhux biss it-testi tal-intervisti tas-Sur Ivan Marsura imma anke numru ta’ testi minn diversi persuni li kitbu fuqu, fosthom it-test tal-omelija tal-funeral mill-E.T. Mons Charles Scicluna, u esperjenzi tal-E. T. il-Kardinal Mario Grech u l-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. Il-ktieb jiġbor fih ukoll numru kbir ta’ ritratti bil-kulur, kemm ta’ diversi episodji minn ħajtu, imma anke ritratti meħuda mill-istess Kardinal li kif ilkoll nafu kellu passjoni kbira għall-fotografija.
Il-ktieb li huwa bil-lingwa taljana, issa ser ikun għall-bejgħ anke f’Malta għall-prezz ta’ €25 u jista’ jinkiseb minn Emmaus Bookshop, Preca Library, Millennium Chapel Bookshop u mill-Provinċja Agostinjana Maltija.