Il-Professur P. Salvinu Caruana, Agostinjan, Direttur tal-Istitut Agostinjan, għadu kemm qaleb għall-Malti wieħed mit-trattati ta’ S. Wistin (354-430) mill-iktar magħrufa fil-qasam tal-kateketika Nisranija, id-de catechizandis rudibus, jew Kif tgħallem il-katekiżmu lil min għadu jibda. Il-ktieb, Itterraq fit-Twemmin ma’ S. Wistin hu ta’ 200 faċċata.
Fi kliem wieħed mill-iprem studjużi tal-kitbiet ta’ Wistin, l-Olandiż Joost van Neer, dwaru kiteb hekk: The result was this work, which can today still benefit all educators in the broadest sense of the term (Augustinus 61 (2021): 227). Il-ktieb kien sejjer ikun mgħarbul tul it-2 semestru tas-sena akkademika 2021-2022. Sfortunatament, ħtija tal-qagħda tal-pandemija, it-2 semestru kellu jiġi pospost indefinitivament imma t-22 partiċipant twasslilhom it-test jew bil-posta, jew personalment, bi żjara fid-dar tal-partiċipanta jew partiċipant.
Il-ktieb ta’ P. Salvinu qiegħed għall-bejgħ għall-prezz ta’ €15. Kull min issieħeb fis-sena akkademika 2021-2022 tal-Istitut Agostinjan ingħata 2 kotba u rigal: Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba (l-10 Omeliji ta’ S. Wistin fuq l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti) (283p.), u Itterraq fit-Twemmin ma’ S. Wistin (Kif tgħallem il-katekiżmu li min għadu jibda) de catechizandis rudibus (200p.), u l-ktieb My Pen’s Toil b’rigal.
Għal aktar tagħrif dwar pubblikazzjonijiet ta’ P. Salvinu, jew tagħrif ieħor, ikteb lil P. Salvinu Caruana OSA Istitut Agostinjan PO Box 61 Msida PO MSD 1000; jew ibgħat email: [email protected]; jew cempel: 7929 4177.