Il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, P. Alejandro Moral Anton, bagħat messaġġ lill-aħwa kollha tal-Ordni fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Ħajja Kkonsagrata li l-Knsija tiċċelebra fit-2 ta’ Frar. Huwa messaġġ li permezz tiegħu jesprimi viċinanza f’dan ‘il-mument ta’ kriżi’ kkawżat mill-pandemija Covid-19, u joffri kelma ta’ kuraġġ u stedina biex ‘inbiddlu l-qlub imwebbsa mill-egoiżmu.’ Huwa jistieden lill-aħwa kollha tal-Ordni biex jidħlu f’mixja ta’ tiġdid u tama ‘miftuħa għan-novita tal-Ispirtu fl-għixien tal-Kariżma prorpja: kariżma li hija tant suġġestiva, tant attraenti, tant impenjattiva u tant attwali.’ Il-Pirjol Ġenerali fakkar lill-aħwa tal-Ordni fl-‘obbligu li jirriflettu mill-ġdid fuq ir-realta tagħhom bħala Agostinjani fil-Knisja u fid-dinja’ waqt li emfasizza li dan huwa wkoll dak li qed jitlob minnhom il-Papa.
Quddiem din l-isfida, huwa jipproponi tliet punti li jqis partikolarment urġenti biex jiġu kkonsidrati bis-serjeta:
- L-għażla favur il-Ħajja – Kulħadd huwa msejjaħ biex jippromwovi l-ħajja u juri attenzjoni għal dawk l-aktar dgħajfa, waqt li jimpenja ruħu b’mod deċiżiv fid-difiża tad-dinjita tal-ħajja, b’dak kollu li din tfisser u titlob minna.
- L-għażla għall-Fraternita – Fil-linja ta’ dak li l-Papa Franġisku talab mill-Knisja fl-enċiklika tiegħu Il-Fratellanza Umana, u dak li tipproponi l-kariżma tagħna, huwa importanti li noħolmu flimkien. Aħna msejħa biex inkunu għalliema u bennejja tal-tal-komunjoni waqt li nkunu dejjem moħħna miftuħ għal sens ta’ għaqda li jmur lilhinn minn kull fruntiera.
- L-għażla ta’ riskji kreattivi – It-tiġdid kollu tal-Knisja jikkonsisti essenzjalment fit-tisħiħ u l-għixien awtentiku tas-sejħa ta’ kull wieħed. Aħna msejħin biex nimxu wara Kristu fil-Kariżma Agostinjana. Min jiltaqa verament ma’ Kristu jaqsam min-novita radikali tiegħu u jinfetaħ għall-aħbar it-tajba, jieħu r-responsabilita li jxandarha, ikun xhieda tagħha, u jagħmel għażliet radikali għat-tiġdid tant meħtieġ.