Nhar it-Tlieta 18 ta’ Marzu 2025 ġie inawgurat il-Proġett ta’ Restawr tal-Kunvent Santu Wistin li ilu għaddej għal diversi snin. Ix-xogħlijiet ko-finanzjati mill-Fondi Ewropej (SCOPE ERDF. 05.113) jinkludu r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati esterni tal-kunvent u l-Knisja, il-faċċati interni flimkien ma diversi spazji oħra, investigazzjoni u rijabilitazzjoni arkejoloġika ta’ parti mill-bitħa u fdalijiet mil-knisja ddedikata lil Madonna tas-Sokkors. Biex dan il-proġett mifrux fuq tliet sulari jkun aċċessibli għal kulħadd ġew stallati pontijiet tal-ħadid u lift. Barra mill-konservazzjoni ta’ dan is-sit, il-Proġett għandu l-għan anke li jippromwovi l-apprezzament tal-Patrimonju Kulturali u ekkleżjastiku ta’ pajjiżna.
Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta li għamlet idskors tal-okkażjoni u kixfet lapida Kommemorattiva. Fis-serata sar anke diskors mill-W. Rev. Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. li bierek ukoll il-binja u mis-Sur Joseph Bezzina President tal-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina. Preżenti kien hemm ukoll is-sindku tal-Belt Valletta, is-Sur Olaf McKay flimkien ma’ persuni distinti oħra, professjonisti, kuntratturi u ħaddiema li ħadmu fuq ix-xogħol li ilu għaddej aktar minn sitt snin.
Grazzi għax-xogħolijiet infrastruttrali, parti minn din il-binja qed tinbiddel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni li jinkludi mużew b’diversi spazji u artefatti interessanti imma anke spazji li jistgħu jintużaw mill-komunita’ kemm għal inizjattivi partikolari u anke għal attivitajiet kulturali. Il-binja tinkludi anke: l-iskavi tal-Knisja tas-seklu 16 li nstabu taħt il-ħamrija tal-ġnien tal-Kunvent u partijiet oħra mill-knisja u l-kunvent ta’ dik l-epoka li ġew restawrati; il-Kripta tal-Knisja li serviet ukoll ta’ refuġju waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u x-xelter li ntuża waqt l-istess Gwerra; Il-Bibjoteka, l-Oratorju u diversi spazji oħra b’artefatti bħal pittura u statwi ta’ valur artistiku ta’ sinifikat għoli.
Il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina (FSKAA) mexxiet x-xogħlijiet fuq dan il-proġett f’kollaborazzjoni kontienwa mal-Komunita Agostinjana. Din il-Fondazzjoni twaqqfet ftit aktar minn ħdax ‘il sena ilu bil-għan li tamministra xogħolijiet ta’ restawr tal-assi arkitettonici u artistici, tippromwovi l-patrimonju, u tara li jitħares l-ambjent ħolistiku ta’ dan is-sit. Il-Fondi Ewropej kienu kruċjali għat-twettieq ta’ dan il-proġett u wara snin ta’ preparazzjoni, lejn l-aħħar tas-sena 2018 bdew ix-xogħolijiet strutturali. Il-Proġett b’investiment totali ta’ €2.3 miljun filfatt seta jsir bil-kontribut sostanzjali tal-fondi Ewropej mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali li ammonta għal madwar €1.9miljun, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-Provinċja Agostinjana Maltija.
(Ritratti: Ian Noel Pace)











