Matul din is-sena fejn ir-Reliġjużi Agostinjani Maltin qiegħdin ifakkru l-200 sena mit-twaqqif tal-Provinċja tagħhom, il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, Padre Alejandro Moral Antón OSA ser ikun qiegħed jagħmel iż-żjara Kanonika tiegħu fil-Provinċja Maltija mis-16 sal-24 ta’ Mejju. Din se tkun l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu lill-Provinċja u li matulha se jkun qiegħed iżur il-komunitajiet u r-rejaltajiet kollha tal-Provinċja.
Matul dawn il-ġranet li ser ikun hawn Malta ser ikun qiegħed jiltaqa’ b’mod individwali ma’ kull reliġjuż u kif ukoll ma’ kull komunità: Rabat Malta, il-Belt Valletta, Pietà, Ħal Tarxien, Paceville, Rabat Għawdex. Jiltaqa’ wkoll mal-agostinjani li jinsabu fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara. Ser ikun qiegħed jgħati l-Affiljazzjoni tal-Ordni lil għaxar persuni. Żjara mportanti ser tkun dik fl-iskejjel: dik tal-Primarja ġewwa l-Marsa u l-oħra Sekondarja f’tal-Pietà. Ser ikun qiegħed imexxi l-festa Titulari tal-Parroċċa Santu Wistin u kif ukoll il-Korteo u l-quddiesa tal-Festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta. Il-Lajċi kollha li b’xi mod jew ieħor huma f’kuntatt mal-Agostinjani, ser jiltaqgħu wkoll mal-Ġeneral. Laqgħa oħra mportanti ser tkun dik mal-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex, Mons Mario Grech. Din iż-żjara Kanonika tispiċċa b’permezz ta’ laqgħha fraterna mar-Reliġjużi kollha tal-Provinċja flimkien.
Il-Pirjol Ġenerali ser ikun akkompanjat minn wieħed mill-Assistenti tiegħu: Padre Luis Marín de San Martín OSA li jieħu ħsieb l-agostinjani kollha li huma fin-naħa t’isfel tal-Ewropa.
Merħba fostna!