‘Il-Midja qed isservi jew tittradixxi s-soċjetà Maltija?’ kien it-titlu tal-ewwel laqgħa ta’ diskussjoni informali fis-serje bit-tema ‘Soċjetà f’Salib it-Toroq’, organizzata minn The Augustinian Cloister Foundation, Malta, fir-refettorju storiku tal-kunvent Agostinjan ta’ San Mark ir-Rabat, Malta. Il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru rat l-ewwel grupp magħmul minn firxa wiesgħa ta’ ġurnalisti u opinion leaders magħrufin. Il-Professur Andrew Azzopardi mexxa l-laqgħa li kienet milqugħa tajjeb b’parteċipazzjoni attiva fid-diskussjoni u b’rappurtaġġ favorevoli u intervisti f’diversi sezzjonijiet tal-midja.
‘Soċjetà f’Salib it-Toroq’ hi serje ta’ diskussjonijiet informali organizzati minn The Augustinian Cloister Foundation, Malta, li bdew f’Ottubru 2019 għal gruppi ta’ persuni magħżula minn professjonisti u oħrajn b’esperjenzi diversi tal-ħajja. L-għan prinċipali ta’ dawn il-laqgħat hu li joħorġu ideat u ħsibijiet li jkunu utli għas-soċjetà in ġenerali. Il-format tad-diskussjonijiet hu mibni fuq introduzzjoni qasira minn moderatur/opinion leader, b’diskussjoni miftuħa u libera wara dwar it-tema partikulari kif tapplika għal dawk li jieħdu sehem.