Fid-9 u l-10 ta’ Ottubru 2021, il-Papa Franġisku fetaħ uffiċjalment Mixja Sinodali li se jilħaq il-qofol tagħha fis-Sinodu tal-Isqfijiet li ser isir fil-belt tal-Vatikan f’Ottubru 2023.
Il-Papa Franġisku kien sejjaħ dan is-Sinodu tal-Isqfijiet f’Mejju 2021 meta ħabbar ukoll li t-tema kellha tkun il-‘proċess sinodali’ innifsu jew aħjar, “Għal Knisja Sinodali: għaqda, parteċipazzjoni u missjoni.” Tim ġdid ippropona proċess Sinodali mġedded li jibda fil-Knisja lokali. Il-Papa Franġisku afda dan il-proġett fit-tmexxija tal-Emm Tiegħu. Mons Mario Grech bħala Segretarju ġdid tas-Sinodu. Fost l-eqreb żewġ kollaboraturi tiegħu hemm ukoll l-Agostinjan Mons Luis Marin de San Martin li żar Malta diversi drabi bħala Assistent Ġenerali tal-Ordni responsabbli għar-Reġjun tan-nofsinhar tal-Ewropa.
Sadanittant Mons. Charles Scicluna, Arċisqof ta’ Malta se jiftaħ il-Vjaġġ Sinodali fl-Arċidjoċesi f’quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa nhar il-Ħadd 17 ta’ Ottubru fid-9.30am. Il-quddiesa ser tkun trasmessa fuq TVM. Mons Anton Teuma mbagħad jiftaħ l-istess proċess fid-Djoċesi ta’ Għawdex f’quddiesa fil-Katidral ta’ Għawdex fl-istess jum fis-7.15pm.
Il-Knisja tħeġġiġna biex nipparteċipaw ilkoll b’mod attiv fl-itinerarju propost mis-Segretarjat tas-Sinodu, li fih kull Nisrani għandu jistaqsi lilu nnifsu dwar is-sinodalità li fi kliem il-Papa Franġisku hija ‘tema deċiżiva għall-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.’ Fuq kollox , huwa rrakkomandat li l-insara kollha jħossu r-responsabbiltà li jappoġġjaw dan il-vjaġġ bit-talb tagħhom.