It-22 ta’ Mejju hija ġurnata għal qalb ħafna tal-familja Agostinjana u tad-devoti ta’ Santa Rita, l-Qaddisa tal-Impossibbli. Huwa jum li madwar id-dinja kollha, u partikolarment fir-raħal ċkejken ta’ Cascia fl-Umbrija fl-Italja, jiġbed tant nies li jimlew il-knejjes Agostinjani biex ifaħħru lil Alla u jitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisa. Hija qaddisa li f’ħajjitha messet ma’ tant realtajiet u fil-mument tad-diffikultà, ħalliet il-fidi u t-tama tagħha f’Alla tmexxiha. Hija din ix-xewqa fil-qalb ta’ kull nisrani li tqanqalna nduru lejn Alla bl-interċessjoni tagħha.
F’Malta, f’dan il-Jum tal-Festa Liturġika, iċ-ċelebrazzjonijiet jikkonċentraw l-aktar fil-Knejjes tagħna tal-Belt Valletta u l-Belt Victoria f’Għawdex. Hija x-xewqa tagħna li f’Jum il-festa nwasslulkom anke ċ-ċelebrazzjonijiet minn dawn il-knejjes permezz tal-mezzi medjatiċi waqt li nisimgħu il-kelma tar-rgħajja spiritwali tagħna. Hekk fir-realtà partikolari li qed ngħixu din is-sena nkunu nistgħu ningħaqdu u niċċelebraw kif nistgħu il-fiduċja tagħna fl-interċessjoni tal-Qaddisa tal-Impossibbli, waqt li nħalluha tgħinna dejjem inkomplu nikbru fil-konvinzjoni li Alla qatt m’hu se jħallina weħidna.