Il-Familja kollha Agostinjana tiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet

Fit-13 ta’ Novembru, il-Festa tal-qaddisin kollha tal-Familja Agostinjana u Jum it-twelid ta’ Santu Wistin, l-Ordni Agostinjan jiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet. Huwa jum li fih niċċelebraw tant reliġjużi li għexu qabilna s-sejħa għall-Ħajja Reliġjuża u għamlu minnha mixja ta’ mpenn nisrani li jwassal għall-qdusija.

Huwa propju f’dan l-isfond li rappreżentanti tal-Patrijiet Agostinjani, u tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesu u Marija, inġabru flimkien mas-sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva u ċċelebraw quddiesa fil-Kappella tal-Monasteru fil-belt Valletta. Minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija preżenti , r-reliġjużi l-oħra flimkien ma’ lajċi ħbieb tal-familja agostinjana setgħu jingħaqdu f’dan il-mument permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. 

Biex jitfakkar dan il-jum, ġew organizzati anke inizjattivi fiż-żewġ campuses tal-Kulleġġ Santu Wistin. Il-Grupp Żgħażagħ Agostinjani imbagħad inġabru għal mument ta’ talb fl-ispazju l-ġdid taż-żgħażagħ li qed jiġi inawgurat fil-kunvent tal-Pietà.

It-talba waħda li ressaqna lejn il-Mulej kienet l-ewwel u qabel kollox għar-reliġjużi kollha ħajjin sabiex il-Mulej jagħmilhom dejjem reliġjużi skond il-qalb tiegħu. Imbagħad tlabna għaż-żgħażagħ li qed ifittxu fil-ħajja sabiex il-Mulej ikompli jbierek il-familja tagħna Agostinjana b’aktar vokazzjonijiet.

Tista’ ssegwi din il-quddiesa flimkien ma’ mument ta’ talb għall-vokazzjonijiet minn hawn taħt:

 

 

Scroll to Top