F’dawn il-jiem tal-Milied il-Pjazza ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex, u l-faċċata tal-Kunvent Agostinjan fl-istess pjazza offrew spazju mill-isbaħ biex jittella l-kunċert virtwali tal-Milied mill-Schola Cantorum Jubilate li din is-sena qed jiċċelebra l-20 sena tiegħu.
Ir-rabtiet ta’ dan il-kor professjonali mal-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex imorru lura għal diversi snin u kienu sinonimi mal-organizzazzjoni tal-attività annwali Carols by Candlelight. Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din is-sena u bl-impenn li jiċċelebraw l-20 sena mit-twaqqif tagħhom inħaseb mod innovattiv ta’ kif itellgħu kunċert virtwali f’waħda mill-isbaħ pjazez tal-Belt Victoria.
Din id-darba, aktar milli permezz tas-sbuħija arkitettonika tal-binja minn ġewwa, sar kunċert fuq il-faċċata sabiħa tal-binja. Hekk il-pjazza ġiet trasformata f’teatru u n-nies setgħu isewgu l-Kunċert Song Reborn mill-karozza privata tagħhom billi jaqbdu ma’ frekwenza tar-radju li jingħataw meta jaslu fil-post, waqt li jammiraw il-projezzjonijiet bl-użu tal-aħħar tekonoloġija ta’ 3D mapping fuq il-faċċata artistika tal-Kunvent u l-Knisja.
L-ispettaklu kien taħt id-direzzjoni artistika ta’ Stefan Attard u ġab flimkien il-korijiet kollha tal-Schola Cantorum Jubilate taħt id-direzzjoni ta’ Maroushka Attard. Magħhom ingħaqdet il-Cordia String Quartet u pjanisti tal-istess korijiet ta’ Schola Cantorum Jubilate. L-Ispettaklu ttella fi tnax-il rappreżentazzjoni bejn it-22 u t-30 ta’ Diċembru 2020.