Għal darb’oħra qed niċċelebraw il-misteru tat-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu. Din iċ-ċelebrazzjoni tiftaħ kull sena mixja liturġika ġdida bi stedina biex nippreparaw irwieħna, mhux biss biex niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesu, imma aktar minn hekk biex nilqgħuh fil-ħajja tagħna. Din filfatt mhix esperjenza ġdida għalina imma ssibna kull sena f’ċirkustanzi u realtajiet differenti minn dawk tas-snin ta’ qabel. L-istedina ċentrali tibqa’ dik li naraw kif Ġesù jista’ jagħtina esperjenza li tmiss il-qlub u tnissel serenità u tama fil-mixja tal-ħajja.
Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma bla dubju ta’ xejn mumenti ta’ tibdil kontinwu, li mhux dejjem inlaħħqu miegħu. Għalina bħala Knisja, il-missjoni ċentrali tibqa’ dik li nwasslu lill-Ġesù u nagħtu xhieda tiegħu, u allura ma naqtgħu qalbna qatt nippromwovu l-ħajja, naħdmu għall-ġustizzja, insostnu lil min hu mtaqqal, noffru sens lil min iħossu mitluf, u fuq kollox inxerrdu l-ferħ ġenwin. Hekk naċċertaw li dak kollu li aħna nagħmlu jwelled verament lil Ġesù anke jekk dan jitlob minna sforz. It-twelid ta’ Ġesù qatt ma kien wieħed komdu. Lanqas meta seħħ fil-grotta ta’ Betlehem! Dakinhar il-familja ta’ Marija u Ġużeppi ħassitha mhux milqugħa; dakinhar kellhom jaċċettaw l-ispazji fqajra ta’ għar tal-annimali; dakinhar kellhom jikkuntentaw bil-ftit; imma l-aktar importanti kien li Ġesù twieled!
B’dawn is-sentimenti aħna msejħa nagħmlu mixja ta’ dixxerniment biex l-ewwel u qabel kollox naraw li Ġesù jitwieled f’qalbna. Imbagħad irridu anke naċċertaw li, minkejja li kultant inħossuna nonqsu u ż-żmien jibdilna, nibqgħu inkunu b’mod jew ieħor preżenza li tagħmel differenza fis-soċjetà tagħna. Dan jgħodd għalina kemm fuq livell ta’ xhieda personali imma anke fuq livell ta’ xhieda kollettiva bħala Agostinjani u bħala Knisja.
Fil-katekeżi tiegħu ta’ dawn l-aħħar xhur il-Papa Franġisku qed jitkellem dwar id-dixxerniment. Fl-Udjenza tad-19 ta’ Ottubru 2022, il-Papa għamel referenza għall-esperjenza ta’ Santu Wistin u jitkellem dwar l-istorja personali fil-mixja ta’ għażliet li wieħed jagħmel fil-ħajja. “Santu Wistin, fittiex kbir tal-verità,” – jgħidilna l-papa Franġisku – fehem li kultant insibu ruħna nfittxu f’toroq żbaljati meta ddeċieda li “jerġa’ jaqra ħajtu, u nnota fiha l-passi siekta u diskreti, imma inċiżivi, tal-preżenza tal-Mulej. Fi tmiem din il-mixja nnota mistagħġeb: ‘Inti kont ġewwa fija u jiena ’l barra minni nnifsi. Fittixtek hemm barra, u jien, bla sura ta’ xejn, intfajt kollni kemm jien fuq il-ħafna suriet sbieħ li int għamilt. Kont miegħi, u jien ma kontx miegħek’ (Stqarrijiet X, 27,38). Minn hawn toħroġ l-istedina tiegħu biex nieħdu ħsieb tal-ħajja interjuri biex insibu dak li qed infittxu: ‘Erġa’ idħol fik innifsek. Fil-bniedem ta’ ġewwa hemm tgħammar il-verità’ (Ir-reliġjon vera, XXXIX, 72). Din hi stedina li jiena nagħmel lilkom ilkoll, nagħmilha wkoll lili nnifsi: ‘Erġa’ idħol fik innifsek. Aqra l-ħajja tiegħek. Aqra dak li hemm ġewwa fik, kif kienet il-mixja tiegħek. B’serenità. Erġa’ idħol fik innifsek’.
L-istejjer tagħna lkoll flimkien jiffurmaw storja ferm akbar, l-istorja tagħna! Nixtieq nawgura minn qalbi li dan il-Milied iġib miegħu stedina lil kull wieħed u waħda minna biex inħarsu lejn l-istorja tagħna u nfittxu li fis-sena l-ġdida ninfetħu dejjem aktar għal mixja ta’ dixxerniment ġenwin. Jalla din il-mixja żżomm dejjem fiċ-ċentru lil Ġesù li jagħti sens lil dak kollu li aħna u li nagħmlu. Huwa hekk biss li quddiem l-sfidi u s-sinjali taż-żminijiet konvint li Ġesù ser jibqa’ jitwieled għalina u permezz tagħna jibqa’ jitwieled fil-qlub tal-oħrajn.
P. Leslie Gatt osa
Pirjol Provinċjali