Għat-tieni sena konsekuttiva ser inkunu qed niċċelebraw il-misteru tal-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu fil-limitazzjonijiet li ġabet fuqna l-Pandemija tal-Covid-19. Xtaqna kieku ħadet anqas fit-tul, jew kieku stajna nsibu soluzzjoni f’inqas żmien, iżda kuljum bqajna nindunaw li l-bniedem għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Ħafna nies impenjaw irwieħhom biex isibu soluzzjoni u jsostnu lil xulxin, iżda donnu ma kienx biżżejjed. Minkejja li nixtiequ li dan kollu jgħaddi, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra sibna ruħna f’ċirkustanzi fejn ma rnexxielniex jew ma flaħniex nibqgħu nosservaw eżatt ir-restrizzjonijiet mitluba. Sadanittant il-ħajja baqgħet għaddejja!
U din hi l-istorja tagħna mhux biss f’dan il-mument, imma dejjem. Fl-isfidi li nsibu quddiemna, nippruvaw nibqgħu noħolmu u nħarsu ‘il quddiem bix-xewqa li nkunu aħjar. Fuq kollox ix-xewqa aħħarija ta’ kull wieħed u waħda minna hija li nkunu tajbin u ferħanin. Sadanittant nibqgħu limitati, u jekk irridu nkunu sinċiera, nibqgħu insibu ma’ wiċċna d-djufijiet tagħna kuljum. U xi kultant insibu anke d-djufijiet ta’ dawk ta’ madwarna li jaffetwawna jew iweġġgħuna. Imma n-nisrani huwa msejjaħ biex jibqa’ determinat li jfittex il-mod, kif iqum mill-ġdid, kif isib il-ferħ, kif jagħmel minn ħajtu espressjoni ta’ Kristu Rebbieħ.
Il-Ġimgħa Mqaddsa li ser niċċelebraw tlaqqana ma’ dan il-misteru kbir u tistedinna nfittxu mill-ġdid kif nistgħu nħalluha tirrifletti fil-ħajja tagħna. Hija stedina biex kull wieħed minna jiċċelebra u jgħix il-Misteru kbir tal-fidwa b’mod aktar konkret. Iċ-ċirkustanzi jistgħu jillimitawna fiċ-ċelebrazzjonijiet u fil-manifestazzjonijiet esterni, iżda mhux fil-ferħ ġenwin ta’ Kristu li għalina ngħata sal-aħħar u għalina qam mill-mewt!
L-istedina għal kull wieħed u waħda minna hija mela biex napprofittaw u nħallu x-xbieha ta’ Kristu msallab tfakkarna li Alla magħna f’kull waqt tal-ħajja: Alla magħna meta nħossuna traduti; meta nħossuna waħedna; meta nħossuna maħkuma mid-dnub tagħna; meta nħossu l-piż tat-tbatijiet u l-weġgħat tagħna; meta nħossuna mixtieqa għall-imħabba. Ġesù Kristu tant ħabbna li kien lest jingħata sal-aħħar għalina!
Ejjew imma fuq kollox inħallu imbagħad ix-xbieha ta’ Kristu Rebbieħ fuq il-mewt timmarkana u tfakkarna li Alla tana l-possibiltà li jum wieħed nirbħu fuq it-tbatija u nqumu miegħu mill-imwiet. Lilna li emminna, Alla tana l-potenzjal li nkunu nies li nwasslu s-sabih, li nxerrdu l-pożittività, li nirbħu fuq it-toqol, li nħarsu lejn dawk ta’ madwarna bħala opportunità biex jgħinuna nikbru. Hekk biss nistgħu inkunu denji li nissejħu Easter People, u hekk biss nistgħu jum wieħed nagħmlu l-esperjenza vera tal-Għid fil-ħajja bla tmiem ma’ Kristu.
Jalla dawn il-jiem ikunu għalina lkoll okkażjoni biex nikbru f’poplu mġedded fil-fidi fi Kristu Rebbieħ… l-Għid it-Tajjeb.
fr Leslie Gatt osa
Pirjol Provinċjal